Filwaqt li bħalissa għaddejjin għadd ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni qabel jitħabbar il-budget għas-sena d-dieħla, l-iktar punt komuni bejn kull għaqda u union huwa t-talba għal pjan nazzjonali li jsarraf f’xogħol ta’ kwalità; xi ħaġa li fl-aħħar snin kien hawn nuqqas kbir tagħha fil-pajjiż.
Fil-laqgħa li kellha l-General Workers’ Union mal-Prim Ministru Robert Abela u għadd ta’ Ministri, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, qal li sabiex kulħadd jimxi ‘l quddiem fejn kull ħaddiem igawdi mis-suċċess tal-pajjiż, jeħtieġ il-ħolqien ta’ “viżjoni nazzjonali strateġika u pjan nazzjonali li jsarrfu f’xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol mill-aqwa.”
Huwa saħaq li b’hekk naraw mobilità socjali għal kulħadd u permezz t’hekk it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna jinfirex fuq kulħadd. Semma’ li jeħtieġ li l-ġlieda kontra l-inflazzjoni tkompli tibqa’ sejra, xi ħaġa li qed iġġib lill-poplu Malti u Għawdxi għarkupptejh.
Semma’ wkoll il-proposta li l-GWU ilha tisħaq fuqha, dik tal-ħtieġa ta’ sħubija awtomatika fi trade union għal kull ħaddiem biex b’hekk ħadd ma jiġi sfruttat. Dan barra tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul u ż-żieda fil-benefiċċji soċjali.
//= $special ?>