Lokali

Il-PN iħassar l-attivitajiet kollha li kellu ppjanati sal-Ħadd li ġej b’sinjal ta’ rispett lejn Karl Gouder

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iwassal il-kondoljanzi lill-familja wara l-mewt taċ-Chief Operating Officer ta’ NET Media.

Il-Partit Nazzjonalista jħabbar li b’sinjal ta’ rispett u luttu għall-mewt taċ-Chief Operating Officer ta’ NET Media Karl Gouder, qed iħassar l-attivitajiet kollha li kellu ppjanati sal-Ħadd li ġej.

F’isem il-Partit Nazzjonalista u f’ismu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu wassal il-kondoljanzi tiegħu direttament lill-familja ta’ Karl Gouder.

Huwa sellem lil Karl bħala ħabib personali u persuna ddedikata li okkupat diversi karigi importanti kemm fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista u anke fil-midja tiegħu.

Karl jibqa’ għall-Partit Nazzjonalista persuna ta’ prinċipju li fittex dejjem kif ikun ta’ ġid għal ħaddieħor. It-tmexxija tiegħu f’kull kariga li okkupa dejjem kienet mibnija fuq x’inhu tajjeb u kif jista’ jkun hemm titjib. Karl, sa miz-żgħożija tiegħu okkupa diversi karigi differenti għaliex l-attiviżmu tiegħu kien dejjem mezz biex jagħmel differenza.

Karl okkupa diversi karigi fl-għaqdiet studenteski, fil-pajjiż u anki fil-Partit Nazzjonalista, imma qatt ma kien hu li fittex il-karigi, imma kienu dawk li raw fih persuna li jista’ jagħti gwida u direzzjoni li ħeġġewh biex jidħol għall-karigi. Dan kien anki qed jipprepara għalih meta ħa d-deċiżjoni li jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. L-esperjenza li kellu tul is-snin, dak kollu li kien jaf u l-enerġija tiegħu kien qed jipprepara biex isarrafhom fi rwol ġdid.

Fost ir-rwoli li Karl Gouder qeda b’ħila kien hemm dik ta’ Sindku ta’ San Ġiljan, Deputat Nazzjonalista, Chief Operations Officer ta’ NET Media, u aktar riċenti Campaign Manager tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali li saru f’Ġunju li għadda.

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li f’dan il-mument, ħsibijiethom jinsabu mal-familja ta’ Karl.

NET Television se jfakkar il-memorja tiegħu bi programm speċjali li se jixxandar illejla fil-5:30pm.