Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħet l-appell u neħħiet il-ħtija fil-konfont ta’ Luke Sant-Berry, Senior Manager fl-Ispettorat tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA), wara li l-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati li kien mar quddiem id-dar tal-eks kunjata tiegħu fin-Naxxar u beda jagħti bis-sieq fuq il-bieb tar-residenza tagħha, b’rabta ma’ każ fuq aċċess għal ibnu.
L-ewwel Qorti ma kenitx sabitu ħati li għamel ħsara fuq il-bieb tar-residenza. Wara li l-Qorti tal-Appell qieset is-sekwenzi tal-avvenimenti, jirriżulta li Sant Berry ma wettaq l-ebda kontravenzjoni. Ħareġ li huwa minnu li kien hemm xi taħbit fuq il-bieb tar-residenza minn naħa tal-akkużat, imma ma kienx seħħ b’tali mod li huwa kiser il-paċi pubblika.
Minn eżami tax-xhieda li kienu prodotti, minn imkien ma jirriżulta li kien hemm xi ksur li kkawża xi inkwiet jew tħassib f’moħħ terzi persuni, u dan meta l-prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda persuna, apparti dawk involuti b’mod dirett fl-allegat inċident u għalhekk, illiberat lill-akkużat minn din l-akkuża.
F’kawża tad-Distrett, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace filwaqt li kienet wissiet lil Sant-Berry dwar dan l-aġir u l-konsegwenzi jekk dan l-aġir jiġi ripetut, qalet li ġie pprovat li l-imputat għamel madwar 20 minuta jħabbat mal-bieb u li waqaf biss għaliex marru l-Pulizija, xi ħaġa li l-Qorti tal-Appell qalet li din mhux suffiċjenti biex tinstab ll-ħtija fil-konfront tal-akkużat.
Dwar l-inċident, il-Pulizija dakinhar qalu li kienu kellmu lill-imputat ta’ 33 sena u li joqgħod il-Mosta. Il-Qorti kienet ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-eks kunjata tiegħu u dan biex fl-ebda ħin ma javviċinaha jew jagħmel kuntatt magħha.
Kienet l-istess omm l-eks raġel ta’ bintha (il-kunjata tal-akkużat) li għamlet rapport fl-għassa tan-Naxxar fejn stqarret li fis-7 ta’ Ġunju, 2023, għall-ħabta tas-6.15pm, kien mar l-imputat quddiem ir-residenza tagħha fejn dan ħabbat fuq il-bieb bil-forza u li beda jagħti bis-sieq mal-bieb u li kien saret ħsara fuqu u fuq il-lock.
Qalet li ma kinitx kellmitu dakinhar tal-inċident. Fuq il-post tal-inċident kien hemm bintha u s-sieħeb tagħha. Meta mistoqsi, l-imputat qal li dakinhar tal-inċident kien il-week-end tal-father’s day u omm it-tifel bagħtitlu messaġġ li binhom ma jiflaħx. Qal li din mhux l-ewwel darba li ġrat u li kienu ftehmu quddiem il-medjatur u l-avukat tiegħu li kellu jieħu t-tifel.
Hu bagħtilha messaġġ lura “its not true, I’m coming as usual.” Imma omm it-tifel ma bagħtitlux lura. Għalhekk mar iħabbat il-bieb biex tiftaħlu u għamel xi kwarta fuq il-post. L-imputat ċaħad li ta daqqiet bil-forza fuq il-bieb ta’ barra tar-residenza u żied jgħid li wara li ġew il-Pulizija jkellmuh u talbuh jitlaq minn fuq il-post, huwa kien telaq.
Rigward dan ir-rapport, ġiet mitkellma wkoll omm l-imputat. Stqarret li hi kienet ipparkjata quddiem il-bieb ta’ omm l-eks mara ta’ binha minħabba li hi frekwentement tmur għat-tifel ta’ Luke. Qalet li mhux veru li binha Luke uża xi forza fuq il-bieb.
Fix-xhieda tagħha fil-Qorti, l-eks mara tal-imputat qalet li hi u l-akkużat jinsabu għaddejin minn proċeduri ta’ separazzjoni. Hi u t-tifel minuri jirrisjedu fir-residenza ta’ ommha. Qalet li hi u l-imputat għandhom ftehim bonarju bejn l-avukati dwar l-aċċess ta’ binhom. Dakinhar it-tifel kien ilu minn filgħodu ma jiflaħx u informat lill-imputat b’dan kollu u biex ma jmurx għall-aċċess dakinhar.
L-imputat irrispondieha li mhux vera, li qed tigdeb u li kien se jdaħħal iċ-child protection services u hi ma rrisponditux. Il-Qorti tal-Appell kif qalet l-Ewwel Qorti – li l-akkużat wettaq xi ħsara mal-bieb u ma ġietx ipprovata. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mallia. L-Avukat Lennox Vella deher għal Luke Sant Berry.
//= $special ?>