Internazzjonali

Il-Vjetnam: ‘Il fuq minn 130 vittma tas-super-tifun ‘Yagi’

Ir-residenti fl-ibliet u l-villaġġi tal-Vjetnam qed isofru taħt dulluvju kontinwu ta’ xita, fost l-għargħar u l-valangi dovuti għal hekk imsejjaħ super-tifun bl-isem ‘Yagi’ – maltemp li kkaġuna ‘l fuq minn 130 vittma, b’għexieren oħra jkunu rappurtati nieqsa fl-ibnadi tal-pajjiż lejn it-Tramuntana.

Eluf ta’ nies sadanittant spiċċaw iżolati fuq il-bjut tad-dar waqt sitwazzjonijiet mill-aktar perikolużi fil-provinċji Vjetnamiti tat-Tramuntana. Dan waqt li s-servizzi tal-emerġenza qed jippruvaw ilaħħqu mas-sejħiet iddisprati għall-għajnuna li qed jaslulhom mill-agħar zoni affettwati mill-elementi tat-tifun.

L-esperti meteoroloġiċi qablu li t-Tifun Yagi qed jiġġenera l-agħar maltemp li qatt laqat il-Vjetnam fi 30 sena. Intant, il-qerda dovuta għat-tifun laħqet livelli ‘fenomenali’, b’madwar 1.5 miljun resident jispiċċaw mingħajr dawl.

Fl-agħar ħinijiet tat-tifun, ċeda wkoll pont ewlieni fil-provinċja ta’ Phu Tho, bir-riżultat li numru ta’ karozzi niżlu direttament fi xmara, diversi metri ‘l isfel.

U għalkemm, fl-aħħar sigħat, kien hemm sinjali li t-tifun kien beda jitlef mill-qawwa terribbli, l-awtoritajiet fil-Vjetnam xorta wissew li l-poplu kellu jistenna ‘aktar mumenti ta’ kaos’ – bil-maltemp javvanza lejn il-provinċji fil-Punent tal-pajjiż.