Il-qawwiet Ukreni, matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta, sparaw għexieren tad-drones lejn id-diversi bnadi tar-Russja. Mewġa ta’ attakki li ħallew diversi ċivili mejtin jew midruba – bil-bini residenzjali fir-reġjun ta’ Moska jieħdu n-nar b’konsegwenza. Uħud fost in-nirien qabdu f’’xi bini tal-appartamenti ‘high rise’, b’numru ta’ titjiriet domestiċi mill-kapitali Russa jispiċċaw sospiżi minħabba l-inċertezza tas-sitwazzjoni.
Ir-Russi qalu li rnexxielhom jinnewtralizzaw madwar 150 drone sparati mill-Ukreni waqt li għexieren ta’ ċivili fir-reġjun ta’ Moska spiċċaw evakwati lejn iċ-ċentri għall-akkomodazzjoni li twaqqfu għal żmien temporanju.
L-Ukrajna fl-ebda ħin ma kkummentat dwar l-attakki waqt li l-kelliema għall-Kremlin, f’Moska, fissru din ix-xita ta’ drones fuq il-komunitajiet residenzjali bħala ‘indikazzjoni oħra’ li l-Ukreni, bħala l-għedewwa kbar tar-Russja, qegħdin jimxu b’mod indiskriminattiv waqt il-kunflitt bejn il-ġirien li ilu għaddej mindu l-Armati Russi invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.
Il-kelliem ewlieni għall-Kremlin, Dmitry Peskov, sadanittant informa lill-ġurnalisti f’Moska li dawn it-tipi ta’ attakki qegħdin jenfasizzaw il-ħtieġa li r-Russja tkompli bl-azzjonijiet militari fl-artijiet Ukreni – azzjonijiet li, fi kliemu, qegħdin jipproteġu lill-poplu Russu mill-attakki ‘aktar regolari’ fuq l-ibliet ewlenin ta’ pajjiżhom.
//= $special ?>