Raġel ta’ 58 sena ġie kkundannat għal sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena wara li ammetta li kkawża ħsara fuq karozza ta’ raġel ieħor f’Ħaż-Żabbar wara tilwima li żvolġiet bejniethom. Fabian Mifsud minn Ħaż-Żabbar, tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo mixli bi ħsara fuq karozza, kif ukoll li kien fil-pussess ta’ sikkina fil-pubbliku u li kiser il-paċi pubblika.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija daħlilha rapport li kien seħħ argument bejn żewġ persuni fi Triq in-Newl. Meta l-Pulizija marru fuq il-post, il-vittma spjega li kien f’argument mal-akkużat u dan ħareġ sikkina għalih.
Minħabba li ħakmitu l-biża’, ħarab minn fuq il-post u hawn l-akkużat ħareġ ħadida u beda jsabbat biha fuq il-karozza. B’kollox, ikkawżalha €980 ħsara. Mifsud ammetta l-ħtija tiegħu għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti semgħet kif Mifsud kellu “ħbiberija” mat-tifla tal-vittma li għandha 40 sena, xi ħaġa li l-vittma ma kienx qed jaqbel bl-ebda mod. Id-Difiża qalet li kien il-vittma li pprovoka lill-akkużat u li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u anke ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri.
Ġie kkonfermat fil-Qorti li Mifsud kien lest iħallas għall-ħsara li wettaq. Il-prosekuzzjoni talbet għal sentenza sospiża minflok sentenza effettiva ta’ priġunerija, u dan ukoll fil-minimu tagħha. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li huwa minnu li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija, iżda talbet għal ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.
“Il-kwistjoni hi li meta t-tifla tal-vittma u hu ma jkunux f’sitwazzjoni feliċi, jibdew it-telefonati d-dar”, irrimarkat il-Prosekuzzjoni. Il-Qorti kkundannat lil Mifsud għal sitt xhur ħabs sospiżi għal sena u ordnatu ma javviċinax lill-vittma u lil martu.
Hu ġie ordnat iħallas €980 lill-vittma fi żmien sitt xhur tal-ħsara li għamel fil-karozza tiegħu.
L-Ispettur Antonello Magri mexxa l-Prosekuzzjoni. L-avukat Franco Debono flimkien mal-avukat Charles Mercieca dehru għall-akkużat.
//= $special ?>