“Nilqagħkom f’dik li għalija hi waħda mill-isbaħ bliet f’pajjiżna – San Ġiljan.”
L-imħabba li Karl Gouder kellu għal-lokalità ta’ San Ġiljan kienet waħda indeskrivibbli.
Karl twieled fil-15 ta’ Mejju tal-1979 fejn għex u trabba f’San Ġiljan. Bl-imħabba lejn il-lokalità tant kibret mas-snin li għażel li jservi lin-nies ta’ San Ġiljan.
Fil-fatt, Karl Gouder mexxa l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan bħala sindku wara li kiseb l-akbar ammont ta’ voti f’din il-lokalità. F’din is-sena, fl-2015, Karl Gouder kien il-kandidat favorit meta kiseb 1,040 fl-ewwel għadd.


Ix-xogħol tiegħu ma riedx li jieqaf ma’ lokalità waħda biss, tant li Karl Gouder għażel li jservi lil Malta u Għawdex kollu.
“Tim ta’ nies differenti, b’ideat differenti, twemmin differenti,” qal Karl waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN tal-2013. “Imma esperjenzi differenti. Imma li fl-aħħar mill-aħħar għandna għan wieħed – l-għan li naraw lil dan il-pajjiż tagħna jkompli jimxi ‘l quddiem.”
Bħala Membru Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista huwa serva fi tliet leġiżlaturi, bejn l-2010 u l-2013 meta ħa post Michael Frendo li kien se jinħatar Speaker. Dak iż-żmien, ta’ 30 sena, kien l-iżgħar Membru Parlamentari fin-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Imbagħad, fl-2016 kien ġie co-opted fil-Parlament wara r-riżenja ta’ Albert Fenech biex serva għall-aħħar sena tal-leġiżlatura. Biex imbagħad ġie elett bħala Membru Parlamentari u serva bejn l-2017 u l-2022 fejn kien Shadow Minister għall-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Kunsilli Lokali.
“Meta ddeċidejt li noħroġ għall-politika, dħalt għar-raġunijiet ċari ħafna f’moħħi,” qal Karl waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN tal-2016. “Dħalt sabiex nara pajjiż fejn jitkattar il-ġid u mbagħad fejn dan il-ġid ikun jista’ jieħu sehem minnu kulħadd.”










L-istudji tiegħu bdew fl-iskola ta’ Stella Maris, Ħal Balzan, biex fiż-żgħożija tiegħu, l-istudji tiegħu komplew fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. Biex fis-snin ta’ wara beda l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn fl-2001 gradwa bl-Unuri fil-B. Commerce. Hawnhekk, hu ma kienx biss student iżda saħansitra okkupa diversi rwoli fil-kamp studentesk fosthom fil-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU, fejn serva fir-rwol ta’ Kaxxier u anke President.
Huwa serva wkoll bħala membru fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ għal xi żmien.
Biex imbagħad kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Heriot-Watt fejn wara ħames snin ta’ studji, fl-2018 gradwa fl-i studji dwar in-negozju.
“Kemm jien kburi li nifforma parti minn dan it-tim,” qal Karl waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN tal-2013.
Mill-2013 ‘il quddiem, Karl Gouder serva lil NET Media fi rwoli diversi, fosthom fid-dipartiment tar-riklamar. Bl-aħħar rwol li serva kien dak ta’ Chief Operations Officer. Persuna li kienet maħbuba ferm mill-impjegati għax-xogħol siewi li wettaq.
“Tgħallimt ħafna u l-lealtà tagħhom [il-ħaddiema] hi xi ħaġa inkredibbli,” kien qal Karl waqt episodju tal-programm ‘Tlaqna fl-2023’. “F’għaxar snin, tgħaddi minn ħafna – mit-tajjeb u l-ħażin – il-fatt li naħdmu bħala tim, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tagħna huwa li jidher ir-riżultat. Xi ħaġa li żżommni [naħdem] f’din il-kumpanija.”

Fil-ħin liberu tiegħu, Karl kellu mħabba kbira lejn l-isport, b’mod partikolari għall-ġiri tant li mhux l-ewwel darba li kkompeta.

Insellmulek Karl!
//= $special ?>