Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza fil-konfront tal-Eks CEO tal-Awtorità Maltija tal-Logħob, Heathcliff Farrugia, fejn instab ħati fuq ‘trading in influence’ talli informa Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizija dwar rejd li kien se jsir f’casinò rivali.
Farrugia kien ġie liberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin. L-Imħallef Neville Camilleri kkonferma s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabitu ħati li żvela b’mod illegali informazzjoni li kiseb bis-saħħa tal-kariga tiegħu u li żvela sigrieti professjonali.
Farrugia kien irriżenja mill-kariga f’Ottubru 2020 wara li ġie mixli dwar il-komunikazzjoni tiegħu ma’ Fenech, l-allegat konspiratur fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u sid ta’ Portomaso Casino. L-Eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Gaming Authority kien evita sentenza effettiva ta’ priġunerija.
Il-Maġistrat Ian Farrugia kien ħeles lil Heathcliff Farrugia, mill-akkuża li ġġorr magħha l-ikbar penali: akkuża ta’ żvelar li huwa pprojbit skont ir-Regoli dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu li jġorr miegħu sentenza sa sentejn ħabs u multa ta’ €115,000.
Iżda l-Eks Kap Eżekuttiv tal-MGA xorta nstab ħati ta’ tliet akkużi oħrajn inkluż l-akkuża ta’ żvelar ta’ sigrieti professjonali li setgħet wasslet għal sentenza ta’ sentejn priġunerija u multa ta’ ftit aktar minn €46,000 skont il-Liġi.
Farrugia nstab ħati wkoll li żvela sigrieti uffiċjali kif ukoll li kiser dispożizzjoni fl-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali. L-ewwel każ huwa kopert minn artikolu differenti fil-Kodiċi Kriminali li huwa punibbli b’sa xahar priġunerija u multa ta’ €232.94.
Madankollu, fiċ-ċirkostanzi, il-Maġistrat Farrugia kkonkluda li sentenza ta’ priġunerija jew multa ma kinux xierqa bl-akkużat jinħeles bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin. Huwa kien ordnat ukoll li jħallas l-ispejjeż kollha marbuta mal-ħatra tal-espert tal-Qorti. Il-Qorti tal-Appell qablet ma’ din is-sentenza fl-intier tagħha.
L-Ispettur George Frendo kkonferma fil-Qorti li kien l-arrest ta’ Fenech b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li wassal biex Farrugia jispiċċa fl-inkwiet. Frendo kien imqabbad biex janalizza ċ-chats li nkisbu mill-mobile data ta’ Fenech – liema chats ikkonfermaw li Fenech kien f’komunikazzjoni ma’ Farrugia f’Settembru 2019 – xahrejn biss qabel ma kien arrestat.
Fenech kien wera d-diżappunt tiegħu bir-riżultat ta’ compliance review li sar fuq iż-żewġ casinos ta’ Tumas Group u insista li dan l-eżerċizzju kien sar biss biex ikisser ir-reputazzjoni tal-kumpanija. Kien f’din il-konverżazzjoni li Farrugia nstab li wettaq reat minħabba li huwa żvela lil Fenech li l-Awtorità tal-Gaming kienet se tagħmel spezzjonijiet f’casino rivali li wkoll kellu l-“problemi”.
Farrugia – li kien Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tal-Logħob bejn April 2018 u Novembru 2020, kien għażel li jixhed waqt il-proċeduri fil-Qorti. Huwa qal li żvela din l-informazzjoni biex jikkalma lil Fenech u biex jurih li l-awtorità tittratta lil kulħadd l-istess.
Huwa insista li huwa gideb meta qal lil Fenech li kienet se ssir spezzjoni l-ġimgħa ta’ wara u insista li dak iż-żmien ma kienx jaf meta kienet se ssir l-ispezzjoni li fil-fatt saret ix-xahar ta’ wara.
//= $special ?>