Raġel ta’ 40 sena li kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija, spiċċa arrestat u eventwalment tressaq il-Qorti wara li ġie osservat minn pulizija mara li ma kenitx xogħol, fejn inqabad fil-fatt jisraq. Emanuel Bianchi, magħruf sew mal-Pulizija, ġie mixli li wettaq sensiela ta’ serq minn karozzi u li saq fuq il-Pulizija.
Ir-raġel, li fil-Qorti qal li m’għandux indirizz fiss, seraq diversi oġġetti minn vetturi f’Birżebbuġa. Dan wara li ntlemaħ mis-Surġent Sarah Bugeja, fl-inħawi ta’ Għar Dalam. Hija segwitu bl-akkużat imur f’parkeġġ f’Birżebbuġa u beda jiżgassa xi vetturi. Waqt waħda mill-allegat serqiet, fejn dak il-ħin kienu ntbagħtu numru ta’ pulizija oħra, intqal li pulizija pprova jwaqqaf lil Bianchi iżda dan irriversja fuqu, bil-ħsieb li jaħrab minn fuq il-post.
Għall-akkużi miġjuba kontrih, Bianchi, li ntqal għandu fedina penali kkulurita, wieġeb mhux ħati. Huwa qal ukoll li ma jaħdimx fejn huwa mifhum li r-raġel jisraq biex imantni l-vizzju li għandu tad-droga. L-avukat difensur ma talabx għall-ħelsien mill-arrest iżda qal li se jkun qed jagħmel din it-talba la darba l-Qorti tisma’ x-xhieda tal-vittmi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut flimkien mal-Avukat Clive Aquilina mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għal Bianchi deher l-Avukat Josè Herrera.
//= $special ?>