Raġel ta’ 32 sena wieġeb ħati li seraq l-alkoħol minn supermarket fil-Mellieħa. Joshua Killingback, ċittadin mir-Renju Unit li jgħix il-Gżira, deher quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo akkużat b’serq u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Is-serqa seħħet it-Tlieta filgħodu stess.
Jidher li r-raġel daħal f’supermarket fil-Mellieħa u pprova jisraq flixkun alkoħol. Il-maniġer tal-ħanut innotah u l-akkużat ipprova jaħrab minn fuq il-post. Huwa nżamm mill-maniġer sakemm waslu l-Pulizija. Killingback tressaq il-Qorti fl-istess jum tas-serqa u wieġeb ħati tal-akkużi.
Ir-raġel ġie kundannat erba’ xhur ħabs. “Hemm ħafna għajnuna offruta fil-Faċilità Korrettiva. Agħmel użu minnhom minn dawn is-servizzi tiegħek u għin lilek innifsek,” qalet lill-akkużat il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.
L-Ispettur Warren Galea mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukat Victor Bugeja assista lil Killingback.
//= $special ?>