Lokali

Somalu arrestat b’rabta ma’ traffikar tad-droga fil-Marsa

Il-Pulizija arrestat Somalu ta’ 36 sena b’rabta ma’ traffikar tad-droga fil-Marsa.

Wara informazzjoni li f’residenza fi Triq Doublet allegatament kien qiegħed isir traffikar tad-droga, il-Pulizija bdiet sorveljar fuq din ir-residenza għall-movimenti suspettużi.

Ilbieraħ, il-Pulizija nnutat lir-raġel ħiereġ minn din ir-residenza u bdiet issegwih sakemm innutawh jagħti
xi pakketti lil xi nies u jirċievi lura xi flus.

Għaldaqstant, is-Somalu twaqqaf fi Triq Azzopardi, waqt li kien fil-preżenza ta’ raġel ieħor.
Saret tfittxija fuqu, fejn instab li kien fil-pussess tad-droga allegatament kannabis u flus kontanti. Saret ukoll tfittxija fuq ir-raġel l-ieħor, fejn instab li kellu ammont ta’ droga suspettata kannabis li allegatament kien għadu kemm xtara mingħand is-Somalu. Huwa ġie arrestat u ttieħed l-għassa sabiex jassisti fl-investigazzjonijiet.

Waqt li anke s-Somalu ta’ 36 sena ġie arrestat, il-Pulizija komplew l-investigazzjoni tagħhom fir-residenza tas-Somalu, fejn tfittxija oħra wasslet għas-sejba ta’ ammont ta’ droga allegatament kokaina u kannabis, diversi oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga u ammont ta’ flus kontanti.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Anthony Agius Bonniċi li ħatar inkjesta.

Is-Somalu qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tan-12:30 quddiem il-Maġistrat Caroline Farruġia Frendo.