Internazzjonali

Stati Uniti: Il-kbar ta’ Hollywood isellmu lil James Earl Jones wara mewtu, fl-età ta’ 93 sena

L-aktar atturi u diretturi rinomati f’Hollywood fl-aħħar sigħat kienu qed ifakkru lill-mibki attur veteran James Earl Jones bħala ġgant taċ-ċinema li t-telfa tiegħu, fl-età ta’ 93 sena, ħalliet vojt kbir fl-industrija tal-films.

Fost dawn kien hemm George Lucas, li pproduċa u derieġa l-films tas-sensiela ‘Star Wars ’ – sensiela li kellha lil James Earl Jones bħala ‘l-leħen’ distintiv tal-karattru ta’ Darth Vadar u li dam f’dan ir-rwol għal xejn anqas minn 25 sena.

L-attur  kien magħruf fost l-aktar personalitajiet versatili u kariżmatiċi fid-dinja tal-flms u meta, fil-karriera twila tiegħu, jibqa’ msemmi l-aktar għall-karattri rispettivi fil-films Field of Dreams, Coming To  America, The Hunt for Red October u Conan the Barbarian.

Sadanittant, hu anki pprovda leħen ieħor magħruf fid-dinja tal-cartoons bħala l-karattru ‘Mafusa’ fil-produzzjoni  The Lion King. Dan minbarra li hu interpreta wkoll diversi karattri tal-awtur ġenju letterarju William Shakespeare għall-palk.

L-attur rebaħ diversi unuri fil-professjoni tiegħu, iżda minkejja r-rispett kbir li kien igawdi, hu qatt ma rebaħ l-Oscar – jew Academy Award – li hu l-aktar unur prestiġjuż li jista’ jingħata lil xi attur jew attriċi.

F’dan il-każ, James Earl Jones kien biss innominat għall-Oscar għall-Aħjar Attur għall-versjoni ċinematografika ta’ The Great White Hope – u meta hu, fl-2011, ingħata Oscar onorarju għall-kontribuzzjoni tiegħu lid-dinja taċ-ċinema.