Lokali

Tikber il-kritika lejn il-midja Laburista

Bongu… Stenbaħtu?

Stajtu ħallejtu sal-ewwel tas-sena biex tippublikaw din l-aħbar.

Dawn kienu wħud mill-kummenti taħt l-aħbar li ppubblikaw one news it-Tnejn filgħodu dwar it-theddid li rċiviet il-Kummissaru Ewropew Helena Dalli – aħbar li ħarġuha aktar minn 24 siegħa tard!

Dan hekk kif kellha tkun il-gazzetta Il-Mument li tippublika l-aħbar tat-theddid li irċiviet Helena Dalli. B’ritratti juru ċar kif raġel poġġa theddida wara l-bieb tad-dar tal-familja Dalli, b’nota tgħid “darb’oħra nkun ippreparat b’xi ħaġa għat-tfal”.

Għalhekk … bir-raġun …. bosta persuni kienu ddiżappunati bil-midja tal-Partit Laburista li ma rrappurtat xejn dwar dan il-fatt; anke wara li tkellmet Helena Dalli nnifisha.

Il-Kummissarju Ewropew spjegat li mill-jum li fih sar it-theddid fil-31 ta’ Lulju, lanqas il-Pulizija ma ħadu azzjoni; minkejja li kemm ir-raġel li poġġa’ dan it-theddid kif ukoll il-karozza tiegħu jidhru ċari mis-CCTV camera.

Xi ħaġa li wkoll qajmet emozzjonijiet kbar ta’ rabja, b’uħud jistaqsu għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma ħax passi? X’qed iżommu milli jieħu passi? U jekk Gafà hux idoneju biex jokkupa l-kariga li qiegħed fiha?

B’oħrajn b’mod mill-aktar apert jitolbu biex il-Gvern ineħħi lil Gafà.

Evidenti kienu wkoll il-mistoqsijiet għalfejn f’pajjiżna qatt ma jittieħdu passi qabel ma jkun tard wisq…. b’numru ta’ kummenti juru wkoll tħassib dwar il-Ministru Byron Camilleri, li fi kliemhom mhu qed jagħmel xejn. Dan hekk kif il-pajjiż mar il-baħar fis-settur tas-sigurtà.

Intant, apparti kritika lejn l-istazzjon, il-Kummissarju u l-Ministru, kien espress ukoll tħassib dwar is-sigurtà f’pajjiżna. Dan hekk kif bosta kienu dawk li staqsew  kemm se titieħed azzjoni fuq theddida indirizzata lejn ċittadini komuni jekk lanqas biss ittieħdet azzjoni dwar theddida li saret lill-Kummissajru Ewropew.