Lokali

Tikber it-theddida għas-sovranità ta’ pajjiżna – 24 entità agrikola flimkien mal-Kamra tal-Periti

Il-bżonn li nipproteġu r-raba’ qatt ma kien daqshekk kbir.

Il-firmatarji ta’ hawn taħt – 24 entità agrikola flimkien mal-Kamra tal-Periti– qegħdin jitolbu lill-pajjiż – lill-Gvern – li l-art agrikola għandha tintuża għal attivitajiet agrikoli u li għandu jieqaf jittieħed u jintuża raba’ għal skopijiet rikreazzjonali. Id-domanda għall-użu ta’ raba’ għal skopijiet mhux agrikoli splodiet fl-aħħar ftit snin kawża ta’ fatturi varji – mill-bżonn ta’ żvog fi żmien il-pandemija tal-COVID, urbanizzazzjoni esaġerata, nuqqas ta’ spazji miftuħa f’postijiet urbani u fatturi oħra.

Dan filwaqt li t-tfal ta’ bdiewa rtirati u sidien ta’ raba’ mingħajr interess li jaħdmu l-art, ħatfu l-opportunità sabiex jillikwidaw din il-proprjetà li ma kellhom l-ebda interess li jużaw. F’każijiet eċċezzjonali, anke produtturi li sabu ruħhom f’diffikultà fil-ġestjoni tal-intrapriża tagħhom, sabuha attraenti li jbiegħu l-art li jaħdmu. Mhux talli hekk – dawn is-sidien varji bdew jaqsmu r-raba’ biċċiet żgħar peress li l-bżonn rikreattiv tax-xerreja huwa ta’ biċċa raba’ żgħir. Dan immassimizza l-profitt li s-sid seta’ jagħmel fuq l-art fil-pussess tiegħu. Dan kollu kkawża żieda astronomika fil-prezz tar-raba' – il-prezz tar-raba’ f’Malta jiswa 20 darba aktar mill-prezz medju fl-UE.

Dan f’dinja fejn is-sigurtà tal-ikel qiegħda dejjem issir aktar prekarja, fejn il-kriżi tat-tibdil fil-klima
qiegħda thedded il-produzzjoni tal-ikel dejjem aktar, u fejn il-vulnerabbiltà ta’ pajjiżna għal mewġ bħal dan hija kbira ħafna peress li jimporta aktar minn tliet kwarti tal-ikel li jikkonsma l-poplu. Huwa għalhekk li kull roqgħa ħamrija għandha tiġi protetta bis-saħħa kollha u l-potenzjal tagħha li tipproduċi l-ikel għandu jkun assigurat li jkun milħuq. L-użu rikreattiv ta’ raba’ produttiv hija thedidda serja għall-abbiltàq ta’ pajjiżna li jsostni l-produzzjoni tal-ikel.

Hija wkoll tabilħaqq banali li filwaqt li għandna raba’ li jintuża għal miljun skop mhux agrikolu, ħafna
bdiewa professjonali qegħdin ifittxu aktar art x’jaħdmu biex jipproduċu l-ikel għas-suq lokali, is-settur
tal-produzzjoni tat-tadam tal-iproċessar qed jagħmel l-istess bħal mhu qed jagħmel is-settur tal-produzzjoni tal-għeneb għall-inbid. L-industrija agrikola kollha qiegħda tfittex l-art sabiex tipproduċi
l-ikel u x-xorb filwaqt li tagħti l-kontribut ekonomiku tagħha. Però, raba’ mhux issib! Għax meħud
għall-ispekulazzjoni! U r-raba’ fis-suq għandu prezz li ma jista’ qatt jiġi ġġustifikat għall-produzzjoni
tal-ikel u x-xorb biss.

Dan l-użu mhux agrikolu u l-qsim tal-art bħalma ġie spjegat, qiegħed iwassal ukoll għal tibdil drastiku
fil-pajsaġġ ta’ pajjiżna. Fejn qabel konna naraw għalqa wara l-oħra bi prodotti kkultivati, issa għandna
raba’ daqs tikka maqsum b’xi ħajt baxx, vojt jew mimli ħaxix selvaġġ, b’xi kamra tal-injam u tinda,
ħitan jew siġar invażivi mat-triq għoljin ħalli tinżamm il-privatezza u xi zona fejn jipparkjaw il-karozzi
u biex jitpoġġa xi bouncy castle biex jilagħbu t-tfal.

Hemm bżonn li dan jieqaf minnufih u l-ħsara kbira li saret titreġġa’ lura mill-aktar fis. Hemm bżonn li
jiġi assigurat li art produttiva tintuża għal skopijiet produttivi, li r-raba’ jiġi fdat f’idejn min jaf u jrid
jaħdmu u li l-pajsaġġ rurali Malti jkun salvagwardjat b’dak kollu li tassew jagħmlu rurali.

Irridu naġixxu issa sabiex nipproteġu r-raba’ ta’ pajjiżna ħalli jibqa’ jagħmel il-funzjoni tiegħu bħalma
ilu jagħamel mill-ewwel darba li rifsu fuqu n-nies – jipproduċi l-ikel u x-xorb li jżommuna ħajjin.

Din l-isqarrija ġiet iffirmata minn 24 entità differenti fosthom Agriculture Co-Operative Ltd., Breeds of Origin Conservancy; Emmanuel Delicata Winemaker; Farmers’ Central Coop Society Ltd.; Għaqda Bdiewa Attivi; Għaqda Produtturi tal-Għasel Malti; Għaqda Trobbija tan-Naħal u Għasel Malti; Kamra tal-Periti; Koperattiva Bdiewa Dingli; Koperattiva Bdiewa Mġarr; Koperattiva Bdiewa Qormi u Għawdex; Koperattiva Bdiewa Rabat; Koperattiva Bdiewa San Pawl il-Baħar; Koperattiva Bdiewa Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ; Koperattiva Bdiewa Żabbar; Koperattiva Għasel Malti Ltd.; Koperattiva Maltija tal-Mogħoż u n-Nagħaġ; Koperattiva Produtturi tal-Ħalib Group Ltd.; Koperattiva tat-Tadam għall-Iproċessar Ltd., Malta Organic Agriculture Movement; Malta Youth in Agriculture Foundation; Marsovin Winery; Meridiana Wine Estates; Vitimalta; u Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż.