Lokali

Tlifna ħabib, tlifna ġentlom – Net Media ssellem il-memorja ta’ Karl Gouder

Dalgħodu qomna maħsuda għall-aħbar li ħalliena ċ-Chief Operations Officer ta’ Net Media, Karl Gouder.

Din l-aħbar bla dubju ħalliet lill-familja tiegħu f’xokk, u lill-kollegi kollha ta’ Net TV maħsuda.

Il-messaġġ tal-Kap tal-PN Bernard Grech

Għadni kif sirt naf li ħalliena l-ħabib tagħna Karl Gouder.

F’isem il-Partit Nazzjonalista u f’ismi, ftit tal-minuti ilu tajt il-kondoljanzi tiegħi lill-familja ta’ Karl, li kien Chief Operations Officer ta’ Net Media, u li għadu kif mexxa l-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda.

Insellem lil Karl, eks deputat tal-PN u kandidat għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li kien persuna dedikata li okkupat diversi karigi importanti kemm fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista u anke fil-midja tiegħu.

F’dan il-mument, ħsibijietna u t-talb tagħna jinsabu mal-familja ta’ Karl, u nitolbu li tiġi rispettata l-privatezza tal-qraba tiegħu.

Messaġġi oħra waslu wkoll mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li qalet li din kienet aħbar devastanti għaliha.

Il-Partit Laburista jsellem il-memorja ta’ Karl Gouder

Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Karl Gouder, Eks Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Il-PL jagħti l-kondoljanzi sinċiera lill-familja u l-qraba tiegħu.