Lokali

Arrestat wara li hedded lill-familja ta’ Helena Dalli

Travis Xuereb huwa ż-żagħżugħ li fl-aħħar sigħat ġie arrestat wara li allegatament hedded lill-Kummissarju Ewropew u Eks Ministru Laburista Helena Dalli.

Kienet il-gazzetta Il-Mument li żvelat dan it-theddid li sar fuqha f’Lulju li għadda. Bil-gazzetta tippubblika ritratti fejn deher żagħżugħ ipoġġi basket fuq l-għatba tal-bieb ta’ barra tal-familja Dalli. Basket li sabu t-tifel ta’ Helena Dalli – Luke Dalli u li allegatament kien fih sustanza ta’ droga u nota bil-lingwa Ingliża fejn kienet tgħid… “darb’oħra nġib xi ħaġa għat-tfal”.

Minn informazzjoni li kienet ħarġet il-gazzetta Il-Mument jidher li l-familja Dalli kienet diġà rċeviet messaġġ stramb – iżda ma kienet rat xejn suspettuż fih. Iżda mbagħad, meta rċeviet din it-theddida quddiem il-bieb tad-dar irrappurtaw minnufih lill-Pulizija.

It-tifel ta’ Helena Dalli, Luke Dalli, spjega li kien fil-31 ta’ Lulju meta sab il-basket bin-nota u l-allegata sustanza wara l-bieb ta’ ommu waqt li kien qed iwassal lil ibnu għandha. B’Luke Dalli jispjega li xahar u nofs wara, il-Pulizija mmexxija minn Angelo Gafà ma kenux għadhom ħadu azzjoni.

Dan sakemm it-Tnejn li għadda – ġie arrestat Travis Xuereb fid-dar tiegħu stess wara li ġie identifikat bħala r-raġel li deher fis-CCTV Cameras. Arrest li, kumbinazzjoni jew le, ħareġ eżatt l-għada li l-midja tal-PN żvelat ir-ritratti meħuda mill-cameras tas-CCTV. U wara li ġie kritikat il-Kummissarju tal-Pulizija għan-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tiegħu.

Kritika qawwija kienet indirizzata wkoll lejn il-midja tal-Partit Laburista, għaliex proprju fil-jum meta ħarġet din l-aħbar dwar Helena Dalli kienet għadha ma rrappurtat assulutament xejn.