Jekk xi ħadd għandu informazzjoni dwar l-aħħar jiem ta’ Karl Gouder qabel mewtu, għandu jersaq ‘il quddiem u jikkuntattja lill-familja.
Huwa dan l-appell tal-qraba ta’ Karl Gouder hekk kif qed jitolbu għal kwalunkwe informazzjoni li tista’ tixħet aktar dawl dwar mewtu.
Permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, Maxine Gouder appellat sabiex kull min għandu xi informazzjoni jagħmlu kuntatt ma’ ħuh Nicky Gouder.
L-aħbar tal-mewt ta’ Karl Gouder ħasdet u xxokkjat pajjiż sħiħ; persuna li għal snin twal immilita fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kemm fl-uffiċċju informazzjoni kif ukoll bħala Deputat Parlamentari u aktar tard fit-tmun ta’ Net Media.
Fi żviluppi oħra, kmieni l-Erbgħa filgħodu, l-Eks Deputat Parlamentari Jeffrey Pullicino Orlando kkonferma mal-gazzetta MaltaToday li kellu informazzjoni b’rabta mal-mewt ta’ Karl Gouder li għaddiha lill-Pulizija – madanakollu ma elaborax dwar xiex.
Aktar kmieni, fuq Facebook, huwa allega li xi ħadd kien qiegħed jhedded lill-istess Karl Gouder wara li dan tal-aħħar ħabbar li kien se jikkontesta għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Karl Gouder kellu 45 sena, u għal dawn l-aħħar snin kien jokkupa l-kariga ta’ Chief Operations Officer f’Net Media.
Fix-xhur li għaddew mexxa wkoll il-kampanja elettorali tal-PN għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
//= $special ?>