Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani:  Iżrael jippersisti bl-attakki fuq il-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent

 

Il-qawwiet ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, komplew bl-attakki mill-ajru fuq diversi nħawi tax-Xatt tal-Punent – u fost il-konferma li talanqas ħames Palestinjani tilfu ħajjithom waqt azzjopni mill-ajru.

Jidher li l-Palestinjani nqatlu meta l-qawwiet Iżraeljani sparaw drone lejn grupp ta’ irġiel viċin ta’ moskea fil-belt ta’ Tubas – bil-katavri, imbagħad, ikunu trasferiti lejn sptar tal-Gvern fil-viċinanzi.

L-Iżraeljani, wara, qalu li l-azzjoni kienet diretta kontra numru ta’ terroristi waqt il-kampanja intiża għall-eliminazzjoni tat-theddida terroristika min-naħa tal-militanti residenti  fix-Xatt tal-Punent.

Ingħad ukoll li hemm ‘iċ-ċentri tat-terroristi Palestinjani’ fl-inħawi ta’ Tubas kif ukoll fil-belt ta’ Tamun qrib tagħha.

Fil-fatt, il-militar Iżraeljan, bħalissa, qed jinforza curfew f’Tubas fost it-tfittxija għat-terroristi. Dan waqt sensiela ta’ rejds fuq iz-zoni u n-neighbourhoods mal-periferija tal-belt.

Is-sorsi Palestinjani qalu wkoll li l-Armata Iżraeljana kienet qed tkompli, għat-tieni jum, bil-kampanja  militari fil-belt ta’ Tulkarem u l-kampijiet għar-refuġjati fi ħdanha. Ma kenux ikkonfermati l-imwiet irrappurtati ta’ xi ċivili waqt l-aħħar sigħat tal-kampanja…..Madankollu, ‘il fuq minn 40 Palestinjan, qabel, kienu tilfu ħajjithom waqt l-għaxart ijiem tal-kampanja fiz-zoni ta’ Tubas, Tulkarem u Jenin – b’ħafna fost il-vittmi jkunu militanti armati u meta jingħad li kien hemm ukoll it-tfal.

Fi żvilupp ieħor, raġel Iżraeljan spiċċa f’sitwazzjoni kritika wara li hu ttajjar minn trakk viċin ir-residenza ta’ Givat Assaf, fix-Xatt tal-Punent. L-aggressur inqatel fuq il-post mit-truppi u li,wara, identifikawh bħala Palestinjan residenti f’Rafat, qrib ta’ Ramallah.

L-ispinta fil-vjolenza fix-Xatt tal-Punent ilha konsistenti għal dawn l-aħħar xhur u meta,fl-istess ħin, qed tkompli l-gwerra qalila bejn il-qawwiet Iżraeljani u t-terroristi tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.

It-Tmexxija f’Iżrael, fl-istess ħin, qed tiddefendi l-politika militari tagħha bħala azzjoni koordinata ‘u neċessarja’ li qed twaqqaf lill-gruppi tat-terroristi f’Gaza u x-Xatt talp-Punent milli jattakkaw lill-komunitajiet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.