“Il-Ministru għandu jagħmel apoloġija lill-poplu”
Minkejja l-kollass fis-sistema tas-saħħa minħabba nuqqas ta’ infrastruttura, it-tobba għamlu l-għalmu tagħhom – tippuntawx swaba fil-konfront tal-professjoni medika kawża tal-fallimenti tal-Gvern.
Dan saħqitu l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) l-Erbgħa filgħodu hekk kif filwaqt li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li l-Maġistrat Inkwirenti ma sab l-ebda ħaddiem mediku ħati ta’ negliġenza b’rabta mal-mewt ta’ Stephen Mangion – intqal li l-aħħar ħaġa li stennew kienet li l-professjoni medika tkun trattata inġustament mill-Ministru permezz ta’ dik li sejħet bħala cover up għan-nuqqasijiet maġġuri li wettaq il-predeċessur tiegħu permezz ta’ fondi pubbliċi.
Il-MAM insistiet li huwa veru li l-pazjenti jridu jistennew għal ħinjiet twal u ina`ċettabbli għall-kull servizz li jingħata mill-Gvern, dan, kompliet l-Assoċjazzjoni, minħabba l-fatt li l-Gvern ħela u rema €400 miljun – u prattikament ma għamel ebda investiment fl-aħħar 11-il sena.
Filwaqt li l-MAM irrikonoxxiet li dan mhux direttament tort tal-Ministru, hija saħqet li s-sistema qed tikkollassa minħabba nuqqas ta’ infrastruttura.
Intant, appellat lill-Ministru Jo Etienne Abela sabiex ikun onest u jammetti mal-poplu Malti u Għawdxi filwaqt li jagħmel apoloġija pubblika u mhux ifarfar fuq ħaddieħor.
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija esprimiet id-diżappunt tagħha fil-konfront tal-Ministeru hekk kif saħqet li mhux qed isegwi l-obbligazzjonijiet legali li hemm fejn għandu x’jaqsam diskussjonijiet dwar outsourcing.
Dan filwaqt li insistiet li huwa inġust li ċ-ċittadin iħallas €10,000 mit-taxxi għal proċedura tal-IVF meta numru kbir ta’ ċentri mediċi fl-Unjoni Ewropea jitolbu anqas minn €2,000 – inqas minn 400%.
Għaldaqstant ġie appellat biex il-Gvern ikun onest u jkellem lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga… iżda minflok il-MAM issoktat tgħid li l-Ministeru qed jispiċċa jattakka lill-Assoċjazzjoni għaliex qed titlob li l-integrità tiġi mħarsa.
Finalment, il-MAM ħabbret ukoll li l-Ministeru tas-Saħħa ddeċieda li jagħlaq sala speċifikament immirata għal pazjenti li għandhom bżonn kura kritika bil-konsegwenza li spiċċaw imqiegħda fi swali oħrajn li mhumiex immirati għalihom, fejn lanqas tagħmir speċifikat għal kura tagħhom m’hemm.
Dan kollu kontra kull parir u opinjoni mill-konsulenti mediċi u linji gwida.
Il-MAM saħqet li dawn il-pazjenti li jkunu morda serjament u li jkunu f’periklu tal-mewt u għaldaqstant it-tobba li jispeċjalizzaw fil-mard respiratorju ħassew il-ħtieġa li jiktbu formalment lill-Avukat tal-Istat li huma kontra tali deċiżjoni la darba din tista’ twassal għal mewt.
Għal darb’oħra l-MAM saħqet li l-professjonisti mediċi mhux se jittolleraw li jerfgħu xi ħtija tort tal-falliment tal-Gvern li naqas li jinvesti b’mod suffiċjenti fl-infrastruttura tas-saħħa pubblika.
//= $special ?>