Lokali

“Irridu l-verità u rridu l-ġustizzja għal Karl Gouder” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jtenni s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-familja ta’ Karl Gouder u jingħaqad magħhom fis-sejħa li għamlu għall-informazzjoni. Aħna nħeġġu lin-nies ta’ rieda tajba li għandhom informazzjoni relevanti sabiex jgħadduha direttament lill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici.

Ħadd m’għandu jibża’ jitkellem dwar dak li jaf. Il-Partit Nazzjonalista se jkun ħajt ta’ kenn u ta’ sostenn għal min jagħżel li jgħin fit-tfitxija għall-verità u għall-ġustizzja. L-istess nistennew u nippretendu li jagħmlu l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet kollha f’pajjiżna jagħmlu użu mill-poteri u l-mezzi disponibbli għalihom biex isir magħruf x’wassal għall-mewt traġika ta’ Karl Gouder. F’din is-sitwazzjoni ta’ traġedja, aħna nifhmu li huwa fl-interess ta’ kull min hu attiv fil-ħajja pubblika li ssir magħrufa l-verità u jekk kien hemm min wassal lil Karl Gouder għall-mewt, jieħu dak li ħaqqu quddiem il-ġustizzja. Hu min hu u hu minn fejn hu.

Il-mewt traġika ta’ Karl Gouder weġġgħet b’mod gravi lill-familja ta’ Karl Gouder, lil ħbiebu u l-kollegi tiegħu, kif ukoll lit-tmexxija u lill-għeruq tal-Partit Nazzjonalista. Din hjia weġgħa li se nibqgħu ngħixu biha u li aħna determinati li ta’ kuljum nqisuha bħala tfakkira dwar il-bżonn li nieħdu ħsieb xulxin u s-soċjetà li niffurmaw parti minnha.

Aħna rridu ġustizzja u mhux tpattija. Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li l-ġustizzja hija virtù għall-għajxien tajjeb ta’ lkoll kemm aħna ma’ xulxin.