Raġel li bagħat sensiela ta’ messaġġi ta’ theddid lill-eks ’employers’ tiegħu meta spiċċa bla xogħol u bla saqaf fuq rasu, ġie mmultat u marbut taħt ordni tal-qorti biex ma jagħtix fastidju lill-vittmi tiegħu. Vincenzo Ramaci, Taljan ta’ 39 sena, kien ilu jaħdem Malta xi xhur ilu, kien joqgħod f’appartament ta; dawk li kienu jimpjegawh, raġel u mara Maltija.
Iżda r-relazzjoni apparentement marret lura u l-ħaddiem spiċċa mingħajr xogħol u dar. Kollox beda meta bdew jintbagħtu l-messaġġi bil-vuċi (voice message) lill-eks ’employers’ tiegħu. Il-fastidju waqaf meta l-vittmi għamlu rapport lill-pulizija.
Sadanittant, min bagħathom telaq minn Malta. Huwa ġie arrestat meta rritorna wara ftit xhur. Dettalji dwar l-allegat fastidju kienu pjuttost skarsi meta s-suspettat tressaq il-Qorti l-Erbgħa waranofsinhar. Huwa ġie mixli b’fastidju, li kkaġunalhom biża’ ta’ vjolenza u użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika.
Wara li kkonsultat lill-avukat tiegħu, Yanika Bugeja, l-akkużat irreġistra ammissjoni. Assistit minn interpretu, ir-raġel ikkonferma l-ħtija tiegħu wara li ngħata żmien biex jerġa’ jikkunsidra. L-ispettur Roderick Attard li mexxa l-prosekuzzjoni qal li l-akkużat kien ammetta fl-istqarrija tiegħu, ikkopera mal-investigaturi u esprima rimors dwar l-azzjonijiet tiegħu.
L-avukat tal-akkużat qablet u enfasizzat wkoll l-ammissjoni bikrija tiegħu ta’ ħtija. Il-messaġġi ta’ theddid kienu waqfu fl-4 ta’ Lulju. Kienu għaddew xahrejn u minn dakinhar l-akkużat irrikonoxxa l-għemil ħażin tiegħu.
“Kien irrabjat,… saħansitra spiċċa kellu jitlaq minn Malta,” spjegat l-avukat. “Dan mhux biex jiġġustifika dak li għamel imma biex jiċċara l-affarijiet.” Meta r-raġel ġie lura Malta, huwa ġie arrestat u akkużat immedjatament. “Huwa refa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu,” qalet Bugeja, li ssuġġerixxit garanzija personali kontra valur monetarju biex il-vittmi ma jingħatawx fastidju, bħala kastig.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet il-Maġistrat Lara Lanfranco ddikjarat lill-akkużat ħati u poġġietu taħt obbligu personali ta’ €2,000 validu għal sena, u li jorbtu biex ma jagħtix fastidju lill-vittmi jew lill-familji tagħhom.
Il-Qorti mmultat ukoll lill-akkużat €100 u ħarġet ordni ta’ trażżin għal sena fejn wissietu biex bl-ebda mod ma jersaq lejn il-vittmi. “Kif nista’ nieħu lura l-ħwejjeġ u l-affarijiet personali tiegħi li għadhom fil-flat?” staqsa l-ħati permezz tal-interpretu tiegħu.
Huwa ngħata l-parir li jikkuntattja lill-eks persuni li kienu jimpjegawh permezz tal-avukat biex isolvi dik il-kwistjoni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard. L-Avukat Yanika Bugeja kienet l-avukat difensur.
//= $special ?>