Lokali

“Karl Gouder ħalla warajh vojt kbir” – Bernard Grech

Kien ħabib, kollega iżda aktar minn hekk kien wieħed tal-familja – għalina, kienet ġurnata diffiċli immens.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech it-Tlieta filgħaxija fuq Net Television b’reazzjoni għat-telfa ta’ Karl Gouder.

Fi programm totalment iddedikat għal memorja ta’ Karl, Bernard Grech sostna li din il-familja bla ebda dubju se tħoss in-nuqqas ta’ wieħed minna, tad-dedikazzjoni u l-imħabba tiegħu.

I-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione saħaq li l-ħbiberija li kellu ma’ Karl se jibqa’ jgħożża tul is-snin.

Dan filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino ddeskrivieh bħala l-persuna li dejjem kien qrib l-impjegat, u li kellu għal qalbu il-ġid ta’ kull minn kien madwaru.

Intant, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u eks Prim Ministru Lawrence Gonzi spjega li hu kellu x-xorti li jsegwi lil Karl sa mill-ewwel passi tiegħu fil-ħajja politika.

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddeskrivieh bħala bniedem li ma tantx kien diffiċli tagħmel ħbieb miegħu bi tbissima li tixgħel kull fejn kien ikun.

F’kollegatament telefoniku, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li wkoll ħadem fil-qrib miegħu, stqarr li din hija telfa iebsa għall-familja tal-partit – persuna li kien jipprova jgħin lil kulħadd.

Intant, l-Aġent President ta’ Malta u eks kollega ta’ Karl Gouder f’diversi oqsma, Francis Zammit Dimech spjega li Karl kien jagħmel kull ma jista biex l-isfidi jdawwarhom f’opportunitajiet.

Telfa li diffiċli tiddeskriviha. U żgur illi qrabatu, sħabu, kollegi u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu jafuh se jħossu n-nuqqas tiegħu. Inselmulek Karl.