Internazzjonali

L-Ukrajna: Tinsisti għad-dritt biex tuża l-missili għal fuq distanzi twal

It-Tmexxija tal-Ukrajna qed tkompli tinsisti għad-dritt i tuża l-missili għal fuq id-distanzi twal kontra r-Russja bħala strateġija intiża biex tqarreb it-tmiem tal-gwerra li ilha għaddejja mill-2022, meta l-Armati tal-Kremlin invadew l-artijiet tal-Ukreni. Il-missili  kienu provduti lill-Ukreni mill-Istati Uniti u r-Renju Unit iżda bil-kundizzjonijiet li dawn ma jintużawx kontra l-ibliet fil-qalba tar-Russja.

Intant, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken u s-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, David Lammy, għaddejjin bi żjara konġunta fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna – u wara li huma kienu ssieħbu għal taħditiet f’Londra.

Intant huma qed jiddiskutu l-aħħar żviluppi tal-gwerra (fl-Ukrajna) mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky – li min-naħa tiegħu appella kemm-il darba biex l-Istati Uniti ‘tillaxka’ l-limiti imposti għall-armamenti moderni tal-gwerra provduti lill-Ukrajna.


Antony Blinken, intant, qal li hu u Lammy ‘riedu li t-Tmexxija Ukrena tkellimhom biċ-ċar dwar l-iskopijiet tagħha u dwar x’jistgħu jagħmlu l-Alleati tal-Punent biex jappoġġjawha f’din is-sitwazzjoni delikata’.

Fl-istess ħin, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li l-Amministrazzjoni f’Washington qed ‘taħdem’ lejn tragward li kapaċi jneħħi r-restrizzjonijiet għall-użu tal-missili għal fuq id-distanzi twal f’idejn l-Ukreni.

Din il-politika għandha tkun suġġetta għall-iskrutinju akar intensiv ladarba l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Keir  Starmer, jibda ż-żjara imminenit fl-Istati Uniti u fejn, għada l-Ġimgħa, ikollu laqgħa kruċjali mal-President Biden fil-White House.