Raġel li allegatament ġiegħel lil martu taħrab mid-dar tagħhom bil-lejl waqt ġlieda, reġa’ spiċċa l-Qorti l-Erbgħa talli allegatament bagħat messaġġi lil min iħaddem martu bi sfida għal ordni tal-Qorti. Il-mara kienet qalet lill-Qorti f’Lulju li kienet ħarbet mid-dar bil-lejl imgeżwra biss b’liżar tas-sodda wara li ġiet aggredita minn żewġha.
Ir-raġel ta’ 54 sena minn San Pawl il-Baħar, eventwalment ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt ċerti kundizzjonijiet, fosthom twissija biex bl-ebda mod ma javviċina jew jikkomunika max-xhieda tal-prosekuzzjoni.
Iżda allegatament huwa bagħat sensiela ta’ SMSs lill-imgħallem ta’ martu. Huwa issa ġie mixli li ta fastidju lil min iħaddem lill-mara, li insulenta u hedded lit-tnejn li huma, li kiser il-libertà proviżorja kif ukoll ordni ta’ protezzjoni favur martu.
Huwa wieġeb mhux ħati. L-avukat tar-raġel, Maria Schembri. argumentat li ma kien hemm l-ebda ksur tal-ordni ta’ protezzjoni. Hija qalet li l-imputat kien żamm mill-qrib il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest matul l-aħħar tliet ġimgħat u innotat li l-mowbajl minn fejn suppost saru t-telefonati lanqas biss instab.
Hija qalet li l-klijent tagħha tilef biex josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest darba, u dan kien nhar it-Tlieta meta kellu bżonn iżur ċentru tas-saħħa. “Issa fehem li d-darba li jmiss irid jinforma lill-ispettur,” qalet l-avukat.
Iżda l-prosekutur Omar Zammit irribatta li l-prosekuzzjoni kellha biżżejjed provi u ma akkużatx lill-imputat sempliċiment fuq “allegazzjonijiet frivoli.” Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest mhux biss minħabba li għad iridu jixhdu numru ta’ persuni ċivili, inkluż iben l-imputat, iżda wkoll minħabba li l-imputat ma kienx verament qed jgħix ma’ ħuh kif sostna.
Huwa ilu jgħix fid-dar matrimonjali, qal l-ispettur. Il-Maġistrat Lara Lanfranco ċaħdet it-talba minħabba d-diversi xhieda pajżana biex jixhdu u anke fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ li wasslu għal dan l-arrest.
L-avukati Jason Azzopardi u Alessandro Farrugia qed jidhru għall-mara.
//= $special ?>