Żagħżugħa ta’ 24 sena ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal 40 xahar mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li ammettiet li ħadet bi kważi €14,000 f’benefiċċji soċjali b’qerq. Raisa Cutajar hi waħda minn mijiet ta’ persuni marbuta mal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali li kien jinvolvi uffiċjali tal-Gvern.
Mill-provi rriżulta li dawn li ħeġġew persuni japplikaw b’ċertifikat falz sabiex jieħdu flus fix-xahar minkejja li ma kellhom l-ebda diżabbiltà li għaliha kellhom il-jedd li jirċievu xi pagamenti. Fost il-persuni li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan ir-racket hemm l-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti li qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Iċ-ċertifikati foloz kienu jinkludu l-firem foloz ta’ tobba li ma kinux konxji ta’ dan it-taħwid kollu.
It-tfajla kienet qed taffaċċja tmien akkużi fosthom li ffalsifikat dokument b’dannu għall-Gvern, li għamlet użu minnu, li għamlet dikjarazzjoni falza u li għamlet qligħ ta’ aktar minn €5,000 b’qerq. Il-Qorti semgħet kif l-akkużata ħadet il-flus bejn Jannar 2020 u Lulju tas-sena l-oħra.
L-akkużata wieġbet ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha bil-Qorti tqis il-fatt li hija ammettiet fi stadju bikri tal-proċeduri. Ġie kkunsidrat ukoll li l-mara mill-bidu nett ikkoperat mal-Pulizija u l-awtoritajiet u laħqet qbil magħhon biex trodd lura t-€13,866 li ħadet bi frodi.
L-Ispetturi Andy Rotin u Wayne Rodney Borg mexxew il-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>