Internazzjonali

Stati Uniti: Dibattitu jaħraq bejn Harris u Trump

Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Kamala Harris u l-eks President Amerikan Donald Trump kellhom l-ewwel dibattitu wiċċ-imb-wiċċ waqt il-kampanja li se twassal sal-elezzjoni ta’ Novembru – dibattitu f’Philadelphia illi jista’ jkun anki l-ewwel u l-uniku dibattitu bejn Harris u Trump.

Filwaqt  li d-dibattitu f’Philadelphia kellu diversi mumenti drammatiċi, l-istħarriġ ta’ wara indika li l-ebda minn fost il-kandidati ma fetaħ vantaġġ ċar fost il-votanti indecizi. Madankollu, Kamala Harris irnexxielha toħroġ b’aktar saħħa minn Donald Trump …..li, min-naħa tiegħu, deher xi ftit irrabjat u anki konfuż fit-tweġibiet tiegħu.

Fil-fatt, il-wirja ta’ Harris kienet differenti ħafna minn tal-President Amerikan Joe Biden, li aktar kmieni fis-sajf kellu  dibattitu ma’ Trump illi xxandar dirett lin-nazzjon….Dibattitu li fih Biden qata’ figura ħażina, tant li l-Partit Demokratiku perswadih biex jirtira mit-tellieqa għall-White House.

Waqt il-konfront ta’ 90 minuta f’Philadelphia, Harris u Trump esprimew il-viżjonijiet rispettivi tagħhom għall-pajjiż, fejn tkellmu fid-dettall dwar l-aktar issues sensittivi għall-Amerikani – l-immigrazzjoni, l-ekonomija, l-abort u d-demokrazija.

Kamala Harris ma żammitx lura milli tattakka lil Trump dwar il-politika ekonomika tiegħu kif ukoll dwar l-aġir tiegħu,snin ilu, meta ma ried bl-ebda mod jaċċetta r-rebħa ċara u demokratika ta’ Joe Biden fl-elezzjoni presidenzjali tal-2020….Riżultat li Trump baqa’ ma rrikonoxxix sallum.

Harris qalet li Trump kemm-il darba ftaħar dwar affarijiet li wettaq u li verament ma kellhomx sustanza. Filwaqt li kritikatu ħafna għall-politika li mexa biha bħala President meta l-Istati Uniti kienet qed tikkumbatti l-pandemija tal-Covid.

Min-naħa tiegħu, Trump ikkundanna lil Kamala Harris talli, skont hu, hi qed tmexxi politika wisq liberali. Hu anki fisser din il-politika bħala l-kontinwazzjoni tal-Amministrazzjoni ta’ Biden li  mhix tinżel tajjeb ma diversi faxxex tas-soċjetà Amerikana.

F’ħin partikulari, Harris daret lejn Trump u qaltlu li hi, bħala Viċi-President Amerikan, kienet tkellmet ma’ diversi Mexxejja barranin …..u li dawn irredikolaw lil Trump u l-kapaċitajiet tiegħu. Hi kompliet li anki l-kapijiet militari li kellmuha ma tantx għandhom opinjoni tajba tal-eks-President Amerikan.

Donald Trump wieġeb li hu għandu rabtiet tajbin ħafna ma’ diversi mexxejja u semma b’mod partikulari lill-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban.

Intant, żvilupp sinifikanti seħħ eżatt wara li intemm dan id-dibattitu…meta l-istilla internazzjonali Taylor Swift ħabbret fuq il-mezzi soċjali li se tkun qed tappoġja l-kandidatura ta’ Kamala Harris.