Internazzjonali

Akkużati li qatlu żewġ nisa u taw il-ġisem tagħhom biex jittiekel mill-ħnieżer

Tliet irġiel qed jaffaċjaw akkużi serji f’qorti fl-Afrika li qatlu żewġ nisa u taw il-ġisem tagħhom biex jittiekel mill-ħnieżer f’razzett li jaħdmu fih.

Is-sid, Zachariah Johannes Olivier ta’ 60 sena, is-supervisor, Adrian Rudolph de Wet ta’ 19-il sena, u l-ħaddiem, William Musora ta’ 45, qed jaffaċjaw akkużi ta’qtil u li kellhom fil-pussess tagħhom armi mhux liċenzjati.

Il-vittmi, Locadia Ndlovu ta’ 34 sena u Maria Makgatho ta’ 47, allegatament daħlu fir-razzett ta’ Olivier, li jinsab f’Limpopo, f’Awwissu li għadda sabiex jieħdu prodotti tal-ħalib li kienu skaduti, meta n-nisa ġew maqtula.

Ir-raġel ta’ Ndlovu kien magħhom meta t-tlieta li huma ġew sparati lejhom u milquta miċ-ċomb tal-arma tan-nar. Huwa rnexxielu joħroġ fi triq fil-qrib fejn talab l-għajnuna qabel ittieħed fi stazzjon tal-Pulizija u ngħata l-għajnuna medika.

Il-Pulizija marru fir-razzett iżda lin-nisa ma sabuhomx. B’investigazzjoni li saret sar magħruf li l-iġsma kienu ngħataw lill-ħnieżer li kien hemm fir-razzett.