Sport

Ċaħad li kellu x’jaqsam ma’ korruzzjoni f’partiti fiċ-Ċina

Son Jun-ho il-plejer li fit-Tazza tad-Dinja lagħab għal Korea t’Isfel, infaqa’ jibki hekk kif ċaħad li kellu x’jaqsam ma’ korruzzjoni f’partiti fiċ-Ċina fejn kien ikkundannat u sospiż għal għomru milli jilgħab.

Son, li lagħab ma’ Shandong Taishan fis-Super League Ċiniż, ġie akkużat mill-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Futbol (CFA) li pparteċipa f’manipulazzjoni ta’ partiti u s-sena l-oħra nżamm arrestat għal 10 xhur.

Son Jon-ho indirizza lil ġurnalisti f’Suwon fil-Korea t’Isfel fejn ikkummenta li l-akkużi fil-konfront tiegħu mill-Pulizija Ċiniża kienu foloz u ġie mhedded li l-familja tiegħu tbati jekk ma jammettix l-akkużi.

Kien lagħab fi tlieta mill-erba’ partiti tal-Korea t’Isfel fit-Tazza tad-Dinja tal-2022, fil-Qatar, u kien irritorna fil-Korea t’Isfel f’Marzu ta’ din is-sena. Son ingħaqad ma’ tim fil-ħames livell tal-Korea t’Isfel qabel mar ma’ Suwon fl-ogħla diviżjoni tal-K League.

Son ma ntgħażilx għall-iskwadra nazzjonali għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026 wara li kien wieħed minn 43 persuna li ġew sospiżi għal għomorhom mill-awtoritajiet Ċiniżi fuq allegat korruzzjoni ta’ partiti fil-Kampjonat taċ-Ċina.