Lokali

Għexieren isellmu l-memorja ta’ Karl Gouder fid-daħla ewlenija tad-Dar Ċentrali

Is-sens ta’ sogħba għadu jinħass sew. Dawk li kienu jafu lil Karl Gouder għadhom ma jistgħux jemmnu.

Fid-Dar Centrali…kulħadd jitkellem dwaru – nies illi qasmu diversi memorji, mumenti ħelwin, sitwazzjonijiet li fihom kien jgħin b’mod sinċier, u ħafna ħidma mingħajr pompi – għaliex dak li kien jagħmel, kien jagħmlu ġenwinament.

Matul il-jum, mijiet ta’ persuni waslu fil-binja tad-Dar Ċentrali tal-PN sabiex isellmu l-memorja ta’ Karl Gouder…u jħallu messaġġi fil-ktieb tal-kondoljanzi illi infetaħ fid-daħla ewlenija ta’ din il-binja.

L-ewwel persuna li ffirmat dan il-ktieb kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech – ktieb illi tpoġġa fiċ-ċentru tal-foyer, bir-ritratt ta’ Karl Gouder biswitu; flimkien ma’ bukketti ta’ fjuri.

Fost dawk li wasslu l-messaġġi tagħhom kien hemm l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi – li miegħu Karl Gouder ħadem ferm mill-qrib, kemm bħala uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll Membru Parlamentari.

Aktar tard, iffirma l-ktieb tal-kondoljanzi l-Viċi Kap tal-PN, Alex Perici Calascione…is-Segretarju ġenerali Michael Piccinino…. u membri mill-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Diversi ħaddiema tal-partit u anke tal-media, ħallew il-messaġġi tagħhom.

Aktar tard matul il-jum, waslet ukoll delegazzjoni mill-Partit Laburista li ukoll sellmet il-memorja ta’ Karl Gouder.

Intant, iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Karl Gouder se ssir is-Sibt fil-11 ta’ filgħodu fil-Knisja ta’ San Ġiljan.

Wara ċ-ċelebrazzjoni se jsir korteo fejn fost l-oħrajn se jgħaddi minn quddiem il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan fejn serva bħala sindku għal xi żmien. Se jgħaddi wkoll minn quddiem id-Dar Ċentrali fejn serva għadd ta’ rwoli għal dawn l-aħħar 16-il sena kemm għall-Partit Nazzjonalista u anke għal NET Media.