Mara li qajmet kommossjoni meta l-pulizija marru biex jarrestawha talli kisret il-libertà proviżorja, intbgħatet il-ħabs wara li nstabet ħatja u kienet imwissija li “mid-droga ma joħroġ xejn pożittiv.” L-inċident seħħ it-Tnejn filgħaxija fid-dar ta’ Josianne Grech f’Birkirkara meta ntbagħtu uffiċjali tal-pulizija biex jarrestawha wara li allegatament naqset milli tirrispetta l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-mara ħarġet fis-sigħat tal-curfew biex tieħu d-droga. Il-mara ta’ 39 sena, li kienet ilha tissielet bil-vizzju akut tad-droga, irreaġixxiet b’mod aggressiv meta l-pulizija marru d-dar tagħha għall-ħabta tas-7.20pm,fejn irrifjutat li takkumpanja lill-Pulizija.
Hija ppruvat ukoll taħrab mill-karozza tal-pulizija. Sussegwentement ttieħdet l-isptar fejn baqgħet l-imġieba aggressiva tagħha bl-Ispettur Roxanne Tabone tgħid li baqgħet aggressiva, beżqet fuq in-nies u baqgħet vjolenti.
Jumejn wara dak kollu, “persuna totalment differenti,” dehret fil-qorti, bil-wieqfa fis-skiet ħdejn il-pulizija li eskortawha u titkellem bil-kalma meta tiġi indirizzata. Il-prosekutur spjegat li l-imġieba tal-akkużata inbidlet għal kollox ladarba ħadet it-trattament għall-vizzju tagħha.
L-avukat tal-mara, Leslie Cuschieri, ikkonfermat dik il-bidla. “Jumejn ilu kienet qiesha żiemel sfrattat. Illum nistgħu nitkellmu u nikkomunikaw,” kompla l-avukat. Il-mara ġiet akkużata li kisret il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, li rreżistiet b’mod vjolenti l-arrest, li rrifjutat li tobdi ordnijiet leġittimi tal-pulizija, li volontarjament kisret il-paċi pubblika, li insulentat u bdiet thedded lill-uffiċjali kif ukoll li ppruvat taħrab mill-arrest.
Hija kienet mixlija wkoll li saret reċidiva. Il-mara rreġistrat ammissjoni wara li spjegat lill-maġistrat li kienet maħsuba se tattendi appuntament biex tindirizza l-vizzju tagħha l-ġimgħa d-dieħla. Qalet li qabel kienet qattgħet seba’ xhur fid-Drug Dependence Unit waqt li kienet fuq lista ta’ stennija biex tidħol fir-rijabilitazzjoni.
Il-prosekutur irrimarkat li Grech tkeċċiet mid-Drug Dependence Unit minħabba li “ġabet ruħha daqstant ħażin” mal-membri tal-istaff. Darbtejn bdiet programm ta’ rijabilitazzjoni iżda ma komplietx. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco, iddikjarat lill-imputat ħatja u kkundannatha għal sena ħabs effettiva flimkien ma’ multa ta’ €4,000.
Il-Qorti ordnat ukoll ir-revoka tal-libertà proviżorja tal-imputat u l-konfiska ta’ terz tal-garanzija personali ta’ €3,000 marbuta ma’ dik il-garanzija. Fl-aħħarnett, il-qorti rrakkomandat li d-direttur tal-ħabs joffrilha l-għajnuna kollha meħtieġa biex “tindirizza bis-serjetà l-problema tad-droga tagħha li tidher li ħaditilha ħajjitha.” “Hemm ħafna nies hemmhekk lesti li jgħinu, imma l-motivazzjoni trid tiġi minnek,” ħeġġet il-maġistrat. “L-ebda ġid ma joħroġ mid-droga,” kienet l-aħħar kelma ta ‘parir tal-qorti.
//= $special ?>