Lokali

Ikkonfermat dak li kienet qed tissuspetta l-MAM – li l-Ministru Abela qed jipprova jweħħel fil-professjonisti

Hemm bżonn inġiniera internazzjonali li huma esperti u li għandhom l-esperjenza f’dan is-settur,  biex ikunu jistgħu isolvu l-problemi tal-infrastrutura relata mas-settur tas-saħħa, u mhux persuni bla esperjenza jew persuni mill-qalba tal-Partit Laburista.

Hekk sostniet l-Assoċjazzjoni Medika Maltija fi stqarrija fejn spjegat li r-reazzjoni tal-Ministru tas-Saħħa kkonfermat dak li kienet qed tissuspetta l-MAM – li l-Ministru Abela qed jipprova jweħħel fil-professjonisti għan-nuqqasijiet li hemm fis-settur tas-saħħa, minflok jaċċetta l-fatt li l-poplu qed ibati għan-nuqqasijiet tal-ftit li pruvaw jigwadanjaw minn fuq dahar il-poplu.

Il-MAM esprimiet ukoll sens ta’ sorpriża għall-fatt li l-Ministru Abela ppublika 18-il punt li hemm bżonn jiġu implimentati fis-Settur tas-Saħħa – stqarrija pubblika illi ikkompromettiet id-diskussjoni.

U waqt li t-tobba qed jirrikonoxxu dawn it-18-il punt, huma spjegaw ukoll li dawn il-punti kienu preżentati lil Assoċjazzjoni  meta kien tard wisq; propju 15-il minuta biss qabel ma ġew preżentati lill-ħaddiema tal-isptar.

Barra minn hekk  il-MAM għandha l-impressjoni li dawn il-punti kienu miktuba minn persuni qrib tal Partit Laburista li għandhom l-interess partiġġjan fuq quddiem u mhux l-interess tal-poplu.

Il-MAM kompliet isostni li l-unika proposti li jistgħu jitwettqu huma l-proposti dwar l-emerġenza; però dawn ukoll hemm bżonn li jkunu riveduti qabel jiġu implimentati. Madanakollu, sostnew it-tobba, huwa ċar li l-Ministru Abela mhux infurmat b’dak li qiegħed jiġri verament fl-isptar.

It-tobba insistew li l-ebda union li għandha f’qalbha l-interess tal-poplu mhi ser taċċetta din l-attitudni minn naħa tal-Gvern, u għalhekk il-MAM qed tittama li fil-futur issir djalaogu pożittiv fejn id-diskussjoni twassal għal deċiżjonijiet maturi.