F’dawn il-jiem ħareġ ċar kemm Karl Gouder kien maħbub minn kulħadd. Bniedem rispettat. Persuna li iddedika ħajtu għall-Net Media u għall-Partit Nazzjonalista.
Kif kien xieraq, din hija t-tislima li ingħata Karl Gouder mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista; laqgħa li saret il-Ħamis filgħaxija u li bdiet b’minuta silenzu għall-memorja ta’ dan l-eks Membru Parlamentari, illi fl-aħħar snin serva bħala Chief Operations Officer ta’ Net Television.
Waqt il-laqgħa li tmexxiet mill-Kap tal-PN Bernard Grech, kien evidenti fuq wiċċ id-deputati d-daqqa enormi li ħalliet din it-telfa – mhux biss firda li tinħass fuq livell politiku, fejn Karl Gouder kien jagħti il-mija fil-mija tal-enerġija tiegħu, iżda fuq kollox firda fuq livell personali. Għaliex għal dawn id-deputati u għat-tmexxija tal-PN, it-telfa ta’ Karl Gouder hija telfa ta’ ħabib u ġentlom – kif anke ikkonfermaw eluf ta’ persuni li fil-jiem li għaddew ikkummentaw b’mod pubbliku fuq il-media soċjali.
Intant, b’rabta ma’ din il-ġrajja traġika…il-PN insista illi add m’għandu jibża’ jitkellem dwar dak li jaf. Dan filwaqt illi tenna li l-Partit Nazzjonalista se jkun ħajt ta’ kenn u ta’ sostenn għal min jagħżel li jgħin fit-tfitxija għall-verità u għall-ġustizzja. L-istess nistennew u nippretendu li jagħmlu l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, sostna fi stqarrija l-PN.
Din is-sejħa issegwi l-appell illi għamlu l-qraba ta’ Karl Gouder, fejn talbu għal kwalunkwe informazzjoni li tista’ tixħet aktar dawl dwar mewtu.
//= $special ?>