Internazzjonali

Imut l-eks President tal-Peru Alberto Fujimori

Fl-aħħar sigħat tħabbret il-mewt tal-eks President tal-Peru Alberto Fujimori fl-età ta’ 86 sena.

Fujimori kien politiku kontroversjali tant li saħansitra nstab ħati ta’ abbuż tad-drittijiet umani u ta’ korruzzjoni.

Hu kien mexxa lill-pajjiż mill-1990 sal-2000. Matul dawn is-snin fil-poter, hu kien irnexxielu jistabbilizza l-ekonomija.

Dan apparti li taħt it-tmexxija tiegħu kien ġie arrestat il-mexxej tal-Maoist Shining Path, Abimael Guzman – daqqa ta’ ħarta għal moviment ribelli li fis-snin tmenin deher viċin li jwaqqa’ l-istat Peruvjan.

Fujimori malajr stabbilixxa ruħu bħala politiku għaqli li l-istil tiegħu pproduċa riżultati tajbin ferm.

Iżda filwaqt li rebaħ l-appoġġ ta’ ħafna, ħadem ukoll b’id iebsa tant li ħafna Peruvjani raw lil Fujimori bħala awtokratiku.