Sport

Is-sitt rawnd tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Karting

Is-Sibt 14 u l-Ħadd ta’ 15 ta’ Settembru, Island Karting Club u Karting Club Malta, flimkien mal-Malta Motorsport Federation, qed jorganizzaw is-sitt rawnd tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Karting għal din is-sena.

Dan ir-rawnd huwa -finali tal-kampjonat u ser isir fil-korsa La Reve, f’Ħal Far. Is-Sibt, hija ddedikata għall-klassijiet riservati għall-iżgħar sewwieqa. It-tiġrijiet fil-kategoriji li ġejjin jibdew fl-10am b’sessjoni ta’ taħriġ ta’ 10 minuti; dawn il-klassijiet huma Rotax Micro, Mini Gr3, u X30 Iame Junior 125cc. Fil-11:09 jiġru għall-pole position; f’12:28 u f’15:08 l-finali rispettivament.

Is-sewwieqa b’aktar esperjenza se jiddebuttaw il-Ħadd, fid-09:45am fil-klassijiet Iame X30 Masters, Vortex Senior/Master, Rotax, u Iame X30. Il-pole position tibda fil-10:45am, il-prefinali f’nofsinhar u l-finali fl-14:25. Għal din il-finali l-Federazzjoni ddeċidiet li ġġib tim ta’ uffiċjali mill-Italja biex jikkontrolla t-tlielaq.

L-avveniment li joffri sigħat ta’ tlielaq eċċitanti huwa b’xejn għall-pubbliku, avveniment li jista’ jitgawda mill-membri kollha tal-familja u t-tfal ta’ kull età.