Nhar il-Ġimgħa li għadda, fil-Mużew ta’ Wignacourt, ir-Rabat, kienet inawgurata wirja fotografika b’xogħol ta’ Martin Agius, il-fotografu li jispeċjalizza fi Street Photography. Il-proġett tiegħu din id-darba jiffoka fuq Espożizzjoni Doppja (Double Exposure), fejn ritratt jikkumplimenta u jinserixxi ruħu f’ieħor b’mod artistiku.
Il-wirja hija miftuħa għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ħadd mid-9.30am sal-5pm, bl-aħħar dħul ikun fl-4.15pm.
L-esebizzjoni ‘Project Double Exposure’ tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 29 ta’ Settembru.
f’Kummenti li ta l-fotografu Martin Agius qal li; “Dan l-aktar proġett fotografiku reċenti tiegħi oriġina meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Għalkemm Malta ma inforzatx lockdown strett, bosta stabbilimenti, bħal ħwienet, restoranti u postijiet tad-divertiment, kienu mġiegħla jagħlqu, u ħallew biss is-servizzi essenzjali operattivi. Il-biża’ l-iktar prevalenti fost in-nies, wasslet għal toroq vojta, u atmosfera ta’ qtigħ il-qalb. Bħala ġurnalist fotografiku, ħassejtni responsabbli li noħroġ ’il barra, nirreġistra u naqbad il-mument f’dan il-perjodu oskur u tqil li ġiet milquta bih id-dinja.
Għalkemm iltqajt ma’ sfida sinifikanti fl-esperjenza tiegħi ta’ street photography, minħabba n-nuqqas ta’ nies fl-ispazji pubbliċi, xorta kont determinat li nutilizza l-ħin liberu tiegħi b’mod produttiv. Tħassibt dwar soluzzjonijiet alternattivi, u bejni u bejn ruħi bdejt naħseb x’tista’ tkun sessjoni xierqa. Imbagħad ħarġet l-idea li noħloq immaġini ta’ espożizzjoni doppja, idea li ilha l-aspirazzjoni tiegħi għal żmien twil. Intrigat b’dan il-kunċett, iddeċidejt li napplika l-fotografija tat-triq bħala l-pedament għal dan il-proġett.
Biex intejjeb u nżid il-kumplessità tagħha, għażilt li ngħaqqad immaġini minn Malta, il-lokalità attwali tiegħi, ma’ ritratti li ħadt waqt iż-żjarat frekwenti tiegħi f’Londra qabel faqqgħet il-pandemija. Il-fotografija ta’ espożizzjoni doppja rċeviet rispons pożittiv ħafna, u lili saħħitli l-fiduċja u anki tatni sinjal biex inkompli nespandi l-kollezzjoni tiegħi.
Sfortunatament, ir-riserva ta’ ritratti tiegħi li ħadt f’Londra eventwalment kienet eżawrita. Minkejja dan, l-entużjażmu tiegħi għal dan il-proġett baqa’ konsistenti, u ġegħlini niffoka l-attenzjoni tiegħi biss fuq ġbid ta’ fotografija tat-toroq f’Malta. Hekk kif in-normalità reġgħet lura bil-mod, erġajt bdejt nesplora t-toroq u nerġa’ nespandi l-kollezzjoni tiegħi. Il-proġett baqa’ jippersisti, u kiseb rikonoxximent internazzjonali permezz ta’ intervisti, artikli, podcasts u features f’rivisti prominenti fir-Renju Unit, l-Italja, l-Awstralja, l-Asja, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra Ewropej.
Sussegwentement, kelli l-opportunità li nżur Milan biex nattendi l-ProgressFestival organizzat minn Batsceba Hardy, il-fundatur ta’ Progressive Street, flimkien ma’ grupp ta’ individwi li jaħsbuha l-istess minn madwar id-dinja. Konsegwentement, akkwistajt firxa wiesgħa ta’ għarfien, li għenitni nespandi l-proġett ta’ espożizzjoni doppja biex ikopri bl-istess mod Malta, Milan, Valencia u Venezja.
Din is-sena, l-intenzjonijiet tiegħi huma li nżur pajjiżi oħra, bit-tama li dawn l-esperjenzi jwasslu biex iżidu aktar l-għan u l-essenza artistika tal-proġett tiegħi ta’ espożizzjoni doppja.”
//= $special ?>