Lokali Qorti

Żvolta fil-każ ta’ qtil ta’ mara fiż-Żejtun fl-2005: Rikors wara li xhud ewlieni bidel il-verżjoni u qal li ma kienx għaraf lil min poġġa l-bomba

Wara li f’Marzu tal-2013 Ronnie Azzopardi kien instab ħati f’ġuri li sploda bomba fiż-Żejtun bit-tir li joqtol lis-sieħba ta’ ħuh u t-tfal, biex minflok inħasdet il-ħajja ta’ mara oħra, xhud ewlieni illum qed jitkellem mid ieħor fejn issa stqarr ma’ iben u missier l-akkużat li dakinhar tar-reat ma kienx minnu li għaraf lil Azzopardi bħala l-persuna li poġġa l-bomba.

Il-każ imur lura għall-Ġunju tal-2005, meta Ronnie Azzopardi kellu xi diżgwid fuq kwistjonijiet ta’ wirt ma’ Mary Rose Cassar, is-sieħba ta’ ħuh, li kien inqatel f’Bormla fl-2001. Azzopardi kien appella u meta reġa’ nstema’ l-każ il-Qorti kkonfermat il-ħtija fil-konfront tiegħu ħati li sploda bomba fiż-Żejtun bit-tir li joqtol lis-sieħba ta’ ħuh u t-tfal.

L-isplużjoni kienet ħasdet il-ħajja ta’ Angela Bondin filwaqt li Therese Grima soffriet ukoll ġrieħi ta’ natura gravi. Il-każ imur lura għall-Ġunju tal-2005, meta Ronnie Azzopardi kellu xi diżgwid fuq kwistjonijiet ta’ wirt ma’ Mary Rose Cassar, is-sieħba ta’ ħuh, li kien inqatel f’Bormla fl-2001.

F’rikors li ppreżentaw l-avukati difensuri ta’ Azzopardi, ingħad li waqt il-ġuri, Joseph Grima xehed falz meta qal li dakinhar huwa kien fuq il-bejt tad-dar ma’ martu Therese Grima sabiex jarmaw għall-festa taż-Żejtun.

Fix-xhieda tiegħu, Grima, kien qal li minn fuq il-bejt tagħhom, il-koppja setgħet tara dak kollu li kien qiegħed jiġri fit-Triq il-Madonna tal-Ħniena. Fil-fatt raw karozza tieqaf, raw lill-akkużat joħrog minn vettura u jpoġġi dak li ħasbu li kien basket taż-żibel f`din it-triq u jitlaq.

Fix-xhieda tagħha, Therese Grima, qalet li l-borża kienet tqila u fiha rat bħal batterija mqabbda bil-wires. Biex ġarritha sas-sit ta’ kostruzzjoni, sabet l-għajnuna ta’ Angela Bondin li dak il-ħin inżertat għaddejja mit-triq. Wara li poġġew il-borża fil-ġenb, in-nisa waqfu jitkellmu meta l-bomba splodiet f’daqqa.

Id-difiża nfurmat lill-Qorti, li Ronnie Azzopardi sar jaf li x-xhud okulari Joseph Grima, qiegħed jgħid pubblikament, illi huwa qatt ma identifika lill-akkużat bħala l-persuna li poġġiet il-bomba. Huwa informa lil ibnu dwar dan u missier Azzopardi marru għand ix-xhud biex ikellmuh dwar dak li kien qed jgħid.

Irriżulta li Grima stqarr mat-tifel u missier Azzopardi li ma kienx minnu li għaraf lil ħati bħala l-persuna li poġġiet il-bomba. Iżda qal “li jekk qal hekk”, lest li jmur il-ħabs hu minflok Azzopardi. Għaldaqstant id-difiża talbet lill-Qorti tikkunsidra li l-akkużat instab ħati fuq xhieda li sussegwement irriżulta li kienet falza.

Investigazzjonijiet

Wara l-mewt ta’ Angela Bondin, bdew l-investigazzjonijiet u rriżulta li l-bomba tpoġġiet ħdejn il-karozza ta’ ċertu Mary Rose Cassar. Eventwalment il-bomba kienet immirata lejha u lejn uliedha minn Ronnie Azzopardi, ħu s-sieħeb tagħha.   

Fl-10 ta’ Awwissu tal-2005 Ronnie Azzopardi, li dak iż-żmien kellu 33 sena, tressaq b’arrest quddiem il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Bondin u bl-attentat ta’ qtil ta’ Mary Rose Cassar u uliedha. Madankollu, il-ġuri ta’ dan il-każ seħħ nhar it-Tnejn 18 ta’ Marzu fl-2013, kważi 10 snin wara.  

Waħda mill-ewwel xhieda kienet dik tal-Ispettur Chris Pullicino. Huwa qal li Azzopardi, dakinhar tal-isplużjoni kien għamel żewġ telefonati: Waħda miż-Żejtun stess u oħra f’Bulebel. Ingħad ukoll li l-bomba tpoġġiet quddiem il-karozza ta’ Cassar, fl-10:30a.m.

Il-pulizija, permezz tal-mobile u ta’ għarfien tal-karozza tiegħu, setgħet issegwi l-movimenti Azzopardi. Aktar tard insiru nafu aħjar, permezz tax-xhud ta’ Mary Rose Cassar, kif bdew is-suspetti fuq Azzoppardi.   Meta mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal interrogazzjoni, Azzopardi mar bl-istess karozza li Tessie u Joseph Grima lemħu dakinhar tal-qtil, Seat Toledo blu.  

Waqt il-ġuri issemma wkoll Malcolm Micallef, eks ħaddiem mal-Aġenzja Appoġġ. Micallef qal lil Pulizija li kien kellem lil ċertu Matthew Pace illi kien qalilhom li Azzopardi prova jqabbdu biex joqtol lil Cassar. Mix-xhieda irriżulta li Azzopardi kien avviċina lil Pace “għal biċċa xogħol”.

Huwa talbu biex ikollu x’jaqsam ma’ Cassar, li kienet prositituta u wara li jmur magħha, Pace kellu jaqbad il-pistola li jagħtih Azzopardi u joqtolha. Apparti li wegħdu li jħallas għas-“servizz” ta’ Cassar, huwa wegħdu li jekk joqtolha iħallsu Lm 500 u karozza misruqa. Skont Micallef, Pace kien beħsiebu jirrifjuta.  

Micallef kien wissa lil Pace li minkejja li qallu b’din l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali ma setax iżommha għalih għax kien hemm persuna fil-periklu.  Dan l-istess rakkont huwa eżatt dak li kien qal oriġinarjament Pace lil Pulizija. Fil-fatt l-Ispettur Pullicino semma’ dan kollu fil-Qorti.  

Wara din ix-xhieda qamet kommossjoni żgħira għax Pace irtira dak kollu li qal lil Micallef u lill-Pulizija. Saħaq li minkejja illi qal lill-Pulizija bl-istess storja eżatt, huwa kien ivvintaha. Sostna li l-Pulizija kienet heddidtu li jekk ma jgħidx din l-istess storja, iżommuh arrestat.  

Huwa ċaħad li tkellem mas-social worker u ma kienx jaf lil Cassar u li lil Azzopardi, minkejja li kien jafu, “saħħa u bonġu” biss kien jgħidlu. Waqt il-ġuri Pace ġie arrestat għax biddel il-verżjoni kompletament u saħansitra ġie iddikkjarat bħala xhud ostili.  

L-Ispettur Joseph Agius, li kien stazzjonat fl-għassa taż-Żejtun dakinhar tal-isplużjoni, qal li għall-ewwel ħasbu li l-isplużjoni seħħet kawża ta’ murtal, madankollu meta marru fuq il-post indunaw li l-bomba kellha materjal splussiv differenti. Dakinhar stess, fuq ix-xena, il-Pulizija tkellmet ma’ Mary Rose u qaltlu li hija kienet għamlet diversi rapporti l-għassa ta’ Bormla dwar theddid ta’ bombi.  

Waqt il-ġuri xehed ukoll Jeffrey Curmi, dak iż-żmien Kaptan u espert fl-isplussivi. Curmi xehed li l-isplussiv kien f’kaxxa tal-injam u kien magħmul min affarjiet differenti inkluż, fire extinguisher żgħir, bozza u transmitter li jaħdem fuq il-frekwenza tar-radju.  

Curmi spjega li l-bozza intużat biex il-filament tagħha jisħon u sussegwentament joħloq reazzjoni kimika. Din ir-reazzjoni eventwalment wasslet għall-isplużjoni. Dakinhar żied jgħid li din it-tip ta’ bomba qatt ma kien iltaqa’ magħha qabel u kienet ikkumplikata ħafna. 

Fid-dawl ta’ dan kollu d-difiża talbet ukoll tħassar jew tirrevoka is-sentenza ta’ ħtija li ngħatat lil Azzopardi f’Marzu tal-2013. L-avukati Jose Herrera, David Camilleri u Martina Herrera qed jidhru f’isem Ronnie Azzopardi.