Internazzjonali

Il-Ġermanja: Arrestat b’konnessjoni ma’ attakk potenzjali fuq is-suldati

Raġel allegat bħala estremista Iżlamiku nżamm taħt arrest b’konnessjoni ma’ kumplott kontra l-membri tal-militar fil-Ġermanja,

Ir-rapporti qalu li r-raġel kien qed jippjana biex jattakka lis-suldati fi Munich waqt il-ħiin tagħhom għall-mistrieħ u bil-ħsieb li joqtol ‘il-massimu possibbli’. Jidher ukoll li l-kumplott kien intiż biex iqajjem sens kbir ta’ tensjoni u biża’ dwar is-sigurtà fost il-popolazzjoni fi Munich li hi l-akbar belt fl-Istat ta’ Bavarja.

Qed jingħad li l-arrestat – Sirjan ta’ 27 sena – hu sostenitur ‘ferventi’ tal-estremiżmu Iżlamiku. Sadanittant u skont l-informazzjoni li tressqet lill-Prosekutur Pubbliku fi Munch, is-suspettat kien fil-pussess ta’ żewġ skieken kbar li kien qed jippjana biex jużahom fuq is-suldati.

Dan il-pjan sfuma fix-xejn – bis-suspettat jitressaq quddiem Imħallef,  sigħat wara li kien inżamm taħt arrest. Ismu ma kienx ippubblikat skont ir-regoli fil-Ġermanja li jħarsu l-privatezza tal-individwu

L-allert għal terrur potenzjali fil-Ġermanja żdied wara l-attakk tat-23 ta’ Awwissu fil-belt ta’ Solingen li fih inqatlu tlieta, b’għaxra jisfaw midruba, waqt festival tradizzjonali. Il-Pulizija Ġermaniża qed iżżomm raġel Sirjan ieħor bħala s-suspettat qattiel u li suppost li kellu jkun iddeportat lejn il-Bulgarija matul is-sena li għaddiet.