Lokali

Il-Labour b’elezzjoni interna li se tagħti s-saħħa lil Muscat

Mill-Ġimgħa il-Partit Laburista beda jlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali li matulha se jkun qed jiġi deċiż min se jkun qed jifforma parti mit-tmexxija tal-Labour, Konferenza Ġenerali li tasal fi tmiemha nhar il-Ħadd 15 ta’ Settembru…u li kellha tissejjaħ minn Robert Abela għaliex spiċċa dahru mal-ħajt wara r-riżultat elettorali ta’ Ġunju li għadda, fejn tilef siġġu fil-Parlament Ewropew u tilef maġġoranzi f’diversi Kunsilli Lokali.

Matul il-jum tal-Ġimgħa se jsiru l-elezzjonijiet għad- Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista u membri oħra tal-amministrazzjoni tal-Labour – bil-votazzjoni tkompli matul il-jum tas-Sibt.

Dan filwaqt li l-proċess tal-għadd tal-voti se jsir hekk kif tagħlaq il-votazzjoni s-Sibt.

Għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Partit ikkontesta waħdu l-MEP Laburista Alex Agius Saliba. Bl-Labour ikollu jbiddel l-istatut biex jakkomodaw il-kandidatura tiegħu…u biex Muscat iwettaq il-pjan tiegħu li jdaħħal wieħed mill-klikka li tappoġjah.

Apparti minn hekk – parti minn dan il-kompromess – Jason Micallef tpoġġa responsabbli mit-twettieq tal-Manifest Elettorali; li fi kliem semplici, se jfisser illi se jkun hu fit-tmun tal-partit meta Agius Saliba jkun imsiefer Brussell.

Intant, sabiex jieħu post l-eks Ministru Chris Fearne wara li spiċċa jħabbat wiċċu ma’ akkużi ta’ frodi, għall-  kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament ikkontesta waħdu l-Ministru Ian Borg – anke hawn, fil-verità, ebda elezzjoni.

U wara r-riżenja ta’ Ramona Attard minn President tal-Partit Laburista – xeħtu n-nomini tagħhom Norma Saliba, Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti u eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir Pubbliku li għadha fuq il-kotba tal-PBS – flimkien ma’ Alex Sciberras, eks Sindku tal-Imsida.

Il-karigi eletti mill-Konferenza Ġenerali jinkludu wkoll il-Viċi President tal-Labour, is-Segretarju Internazzjonali kif ukoll is-Segretarju Organizzativ, flimkien mat-12-il membru ordinarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali.

Konferenza li qed tasal fi tmiem sajf pjuttost turbolenti għall-Partit Laburista u għal Mexxej tal-Labour Robert Abela, li wara r-riżultat elettorali tat-8 ta’ Ġunju f’salt wieħed il-maġġorparti ta’ min kien madwar Robert Abela rriżenja.