Lokali

“Il-Pride huwa żmien ta’ azzjoni favur il-komunità LGBTIQ+” – Moviment Graffitti

“Ix-xahar tal-Pride huwa żmien ta’ riflessjoni dwar id-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+.”

Sostna dan il-Moviment Graffitti meta fi stqarrija insista illi l-marċ tal-Pride, li huwa l-qofol tal-attivitajiet waqt il-Pride Week, mhuwiex biss ċelebrazzjoni kkulurita – imma manifestazzjoni politika.

Intqal li f’Malta kien hemm progress f’dawk li huma liġijiet u politiċi li jipproteġu lill-komunità LGBTIQ+ iżda xorta hemm numru ta’ nuqqasijiet hekk kif il-klinika tal-Gender Wellbeing f’Raħal Ġdid ilha ma tiffunzjona kif suppost għal iktar minn sena.

Preżentament il-klinika qiegħda taħdem mingħajr psikjatra għaliex il-psikjatra li kien hemm qabel, m’għadhiex disponibbli.

Ħafna żgħażagħ li ilhom żmien jistennew dan is-servizz kellhom jirrikorru għal kura privata minħabba li s-servizz tal-Gvern ħalla lil ħafna jistennew – tant illi ma felħux jistennew iktar biex jibdew il-proċess ħalli jkunu jistgħu iħossuhom komdi bil-ġeneru tagħhom.

Kwistjoni oħra li l-Gvern ilu jinjora, minkejja l-wiegħda elettorali tiegħu, hija li jipprovdi l-PrEP u l-PEP b’xejn mill-isptar.

Għalkemm Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ dijanjosi tal-HIV fl-Ewropa, is-sistema tas-saħħa għadha ma nvestietx fil-prevenzjoni tal-marda tal-HIV.

Appart minn hekk, is-servizzi tas-saħħa għal persuni trans u non-binary li jinkludu l-kontinwazzjoni tat-trattament tal-ormoni huwa diffiċli ħafna biex jaċċessawhom, jekk mhux impossibbli. Dawn is-servizzi huma essenzjali għal persuni trans u non-binary kif ukoll għal persuni bl-HIV.

Intant, fl-istqarrija l-Moviment Graffitti stqarr li kienet tkun ħafna aktar kburija li Malta tkun fl-ewwel pożizzjoni fl-indiċi LGBTIQ+ Ewropew kieku d-drittijiet tal-komunità kollha kienu mħarsa.

Kien għalhekk li appellaw lill-awtoritajiet biex jieħdu l-opportunità u jieħdu azzjoni favur din il-komunità.