Internazzjonali

Is-Sirja: Rejd fuq faċilità għall-produzzjoni tal-missili għall-Ħeżbollah

L-uffiċjali ewlenin f’Iżrael mhumiex jikkummentaw dwar rejd fuq faċilità għall-produzzjoni tal-missili fis-Sirja u li qed jingħad li twettaq minn grupp ta’ kommandos elit tal-Armata.

Ingħad li l-faċilità kienet qed timmanifattura missili għall-milizji Lebaniżi tal-Ħeżbollah fil-Libanu li bħalissa għaddejjin b’kunflitt mal-Iżraeljani, fost il-bumbardamenti min-naħa tal-fruntiera għall-oħra.

Intant, il-Gvern Iżraeljan ma qal xejn dwar ir-rejd li kien żvelat fl-aħħar sigħat u li jingħad li seħħ viċin il-belt Sirjana ta’ Masyaf – ftit ‘il hinn mill-fruntiera tas-Sirja mal-Libanu.

Ir-rapporti qalu li fir-rejd, inqatlu 20 persuna u li rriżultaw ukoll l-għexieren tal-midruba waqt il-battalji fl-inħawi.

Skont in-New York Times, il-qawwiet speċjali ta’ Iżrael niżlu fis-sit mill-ħelikopters u fejn huma qiegħdu l-isplussivi fil-faċilità mibnija mill-Iranjani. Waqt ir-rejd, il-kommandos anki ġabru xi informazzjoni sensittiva li kapaċi tiżvela l-pjani militari tal-grupp Ħeżbollah.

Intant, il-pjan tal-Iżraeljani x’aktarx li kellu jibbaża fuq il-qerda ta’ dik il-faċilità militari taħt l-art. L-indikazzjonijiet huma li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani innewtralizzaw id-difiżi fis-Sirja bħala parti minn strateġija biex il-qawwiet Sirjani ma jibgħatux ir-reinforzi lejn is-sit inkwistjoni.

Rapport ieħor qal li Iżrael, qabel ir-rejd, kien informa lill-Istati Uniti dwar l-intenzjonjiet tiegħu u li ‘il-pjan (tal-Iżraeljani) ma qanqalx xi reżistenza min-naħa tal-White House’

Intant, ħafna minn dawn ir-rapporti ma setgħux ikunu verifikati mis-sorsi indipendenti.