Neville Abela ta’ 38 sena mill-Marsa nżamm arrestat wara li ġie mixli li hedded lill-eks sieħba tiegħu bil-mewt. F’każ ta’ allegat vjolenza domestika fil-Qorti ħareġ li Abela qal lil mara “jekk tirrappurtani, mhux problema li nagħmel jumejn il-ħabs għaliex kif noħroġ noqtlok”.
Il-Qorti semgħet kif l-Erbgħa sar rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika b’allegazzjonijiet li l-akkużat bagħat mumru kbir ta’ messaġġi lil eks sieħba. Fosthom theddid biex taqbad il-mowbajl mill-ewwel meta jċemplilha għax tispiċċa ħażin.
Abela qal fil-Qorti lill-Maġistrat Rachel Montebello li ma jaħdimx, u wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Mark Busuttil għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal- provi, theddid serju u l-każijiet preċedenti ta’ vjolenza domestika li għalihom wkoll instab ħati.
Meta semgħet il-partijiet il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. Għall-akkużat deher l-Avukat Mark Busuttil.
//= $special ?>