Internazzjonali

L-Ewropa ċentrali lesta għal dulluvju ta’ xita….u l-akbar inċidenza ta’ għargħar għal snin

L-uffiċċji meteoroloġiċi fil-pajjiżi Ewropej taċ-ċentru qed iwissu dwar ħalbiet tax-xita ‘katastrofiċi’ għal dik il-parti tal-kontinent u li mistennija jdumu għall-ġranet konsekuttivi.

Dan meta pajjiżi bħall-Polonja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka qed iħejju l-miżuri li għandhom jilqgħu għal kull emerġenza f’dawn iċ-ċirkustanzi – partikularment l-inċidenzi tal-għargħar li jistgħu huma inevitabbli.

Fil-fatt, l-esperti qed jgħidu li huma,  ‘minn aspett meteoroloġiku’,  qegħdin iħejju għal elementi tat-temp straordinarji u anki mingħajr preċedent għal dawk iz-zoni tal-Ewropa.

Il-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk qal, sadanittant, li  ‘mhemmx raġuni għal paniku’ wara li hu attenda konferenza li indirizzat is-sitwazzjoni potenzjali f’pajjiżu – u fost tbassir li għandha tinżel 15-il ċentimetru xita f’erba’  provinċji tan-nofsinar.

Fl-Awstrija diġà niżlu l-ħalbiet tax-xita u l-borra qalb iz-zoni fir-reġjun tal-muntanji u meta tħarbtu fost oħrajn l-iskedi għall-ivvjaġġar. L-awtoritajiet lokali wkoll qed iħejju għal kull eventwalità, bl-Armata tisħaq li hi lesta biex tistazzjona mal-1,000 suldat biex jgħinu lill-poplu f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fi Praga, il-kapitali ta’ Ċekja – l-eks Repubblika Ċeka, –mhumiex lesti li jieħdu ċ-ċansijiet u meta għadhom ħajjin il-memorji tal-għargħar devastanti ta’ 20 sena ilu f’din il-belt fejn anki l-istazzjonijiet tal-metro spiċċaw mgħarrqin fost l-evakwazzjonijiet tar-residenti bid-dinghies.

Il-miżuri għall-emerġenzi fi Praga qed jittieħdu f’zona fejn hemm il-Kanal ta’ Certovka li għaddej mid-distrett storiku ta’ Mala Strana u li jikkomunika wkoll max-Xmara Vitava. Dan meta l-awtoritjaiet f’Ċekja huma wkoll attenti għall-possibbiltà ta’ għargħar qawwi ‘u inkontrollabbli’ fl-ibnadi tal-lvant u ċ-ċentru tal-pajjiż.