Kienet ferm emozzjonanti din it-tislima li ingħatat lil Karl Gouder f’San Ġiljan – il-lokalità li ma sellmitlux għall-aħħar darba; għaliex il-memorja ta’ Karl se tibqa’ f’qalb din il-komunità għal dejjem.
San Ġiljan – fejn serva bħala Sindku, minn fejn kien elett bħala deputat. Fejn twieled u trabba. Fejn il-ġenituri tiegħu Simone u Francis rabbewh f’għożża. Fejn qasam memorji ma’ ħutu. Fejn ħabb lin-neputijiet.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Karl Gouder bdiet b’tislima min-nies li saħansitra kienu miġbura fuq barra tal-Knisja ta’ San Ġiljan. Bin-noti jidwu tal-kanzunetta ‘Nistħajlek Hawn’ tal-kantanta Karei.
L-istess ġara wara ċ-ċerimonja – din id-darba, ċapċipa spontanja malli t-tebut inħareġ mill-knisja.
Fuq wiċċ dawk kollha preżenti, evidenti d-daqqa kbira u l-effett ta’ din il-firda – kienet bħal sajjetta fil-bnazzi.
Wara ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Karl Gouder, il-korteo għadda biswit il-każin tal-banda u minn quddiem il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.
Imbgħad, il-mument li miss il-qalb ta’ dawk kollha li fl-aħħar snin ħadmu ma’ Karl Gouder; il-mument meta l-korteo wasal quddiem id-daħla tad-Dar Ċentrali tal-PN fejn Karl qatta parti kbira minn ħajtu jaħdem b’dedikazzjoni bla limitu.
Hawn, it-tislima mill-Kap tal-PN Bernard Grech, mill-Vici Kap Alex Perici Calascione, mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, mid-deputati Nazzjonalisti, l-amministrazzjoni tal-partit, ħaddiema u volontieri tal-partit, kif ukoll l-amministrazzjoni u l-impjegati ta’ Net Media.
Fuq it-tebut, tpoġġew 45 warda – 45 illi jissimbolizzaw l-età tiegħu.
Insellmulek Karl…mhu se ninsewk qatt!
//= $special ?>