Lokali

L-influwenza ta’ Muscat tkompli tinfiltra t-tmexxija ta’ Abela

Norma Saliba ma tiġix eletta

Wara sajf turbolenti għall-Partit tal-Labour konsegwenza tar-riżultat elettorali tat-8 ta’ Ġunju li kiseb – bi tnaqqis kbir fil-voti u rebħ ta’ diversi Kunsilli Lokali għall-Partit Nazzjonalista – il-Mexxej Laburista Robert Abela kien kostrett ibiddel lin-nies ta’ madwaru.

Għaldaqstant fi tmiem din il-ġimgħa l-Labour organizza Konferenza Ġenerali fejn saru l-elezzjonijiet interni.

Dan wara li Daniel Micallef irriżenja minn Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit filwaqt li l-issa backbencher Chris Fearne kellu jirriżenja minn Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament hekk kif preżentament qed iħabbat wiċċu ma’ akkużi ta’ frodi b’rabta mal-iskandlu tal-Vitals.

Is-Sibt waranofsinhar il-Minsitru Ian Borg, li tul l-aħħar snin kien sinonimu ma’ diversi skandli – ġie elett b’aktar minn 95% tal-voti mitfguħa sabiex issa ħa post Chris Fearne.

Dan filwaqt li l-MEP Laburista Alex Agius Saliba li biex ikkontesta għal Deputat Mexxej Laburista flok Daniel Micallef kellu jbiddlu l-istatut, ġab ftit aktar minn 92%.

Intant, l-eks Sindku tal-Imsida Alex Sciberras kien elett bħala President tal-Partit Laburista minflok Ramona Attard. Huwa rebaħ il-konfront ma’ Norma Saliba b’differenza ta’ 14-il vot biss.

Għaldaqstant, Norma Saliba ma ġietx eletta, wara li ngħatat palata minn Alex Agius Saliba, Ian Borg u spinta qawwija mill-Prim Ministru nnifsu Robert Abela.

Mhux magħruf jekk Saliba, wara li b’mod mill-aktar sfaċċat ħarġet għonqa fil-kamp poltiku paritġjan, hux se tkun qed titneħħa minn fuq il-kotba tal-PBS, hekk kif kienet ġiet mislufa mix-Xandir Pubbliku biex ħadet posta bħala Kap Eżekuttiv fiċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.

Tajjeb wieħed jinnota li din fl-unika elezzjoni mistennija, ċioe din tal-President tal-Labour – il-voti jixhdu l-qasma assoluta bejn iż-żewġ klikek preżenti fi ħdan iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Dan iffiser li issa Robert Abela spiċċa mdawwar b’nies l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li tul il-kampanja elettorali ħarġu għonqhom b’mod dirett għall-eks Mexxej tal-Labour li preżentament jinsab akkużat bi frodi.