Lokali

“Life Goes On kien iħobb jgħid Karl – imxu fuq din il-frażi filwaqt li ħaddnu l-valur ta’ ħbiberija”

L-imħabba lejn Karl hi waħda ċara hekk kif mijiet ħonqu l-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan, f’ċapċipa waħda minn dawk preżenti jilqgħu lil Karl, imdawwar b’għexieren ta’ bukketti ta’ fjuri.

Fl-omelija, Karl Gouder ġie deskritt minn Fr Claude Portelli bħal persuna umli li dejjem poġġa l-ewwel lil dawk ta’ madwaru.

Karl li dejjem prova jagħmel ħiltu biex jgħaqqad, anke wara t-telfa tiegħu, fejn rajna għaqda fost in-nazzjon kollu.

Persuna li ħaddan il-prinċipji, għamel kuraġġ, u għen, b’valur ta’ ħbiberija li ma jaqta’ qatt, bla ebda distinzjoni.

“Life goes on” kien iħobb jgħid Karl – Fr Claude Portelli wassal l-appell li, għalkemm iebsa, wieħed iħaddan din il-frażi f’qalbu ta’ kuljum u japplikaha ma’ kull persuna li wieħed jiltaqa’ magħha. L-istess kif kien magħruf li jagħmel Karl.

Iċ-ċelebrazzjoni kompliet permezz ta’ korteo fejn fost l-oħrajn żar il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan fejn serva bħala sindku fl-aħħar snin. Preżenti fost l-ohrajn is-sindku Gwido Dalli, il-Viċi Sindku, u kunsilliera.

Iktar tard hu ttieħed ukoll quddiem id-Dar Ċentrali fejn il-kollegi tiegħu laqawh fil-post fejn għal snin sħaħ serva f’għadd ta’ pożizzjonijiet għall-Partit Nazzjonalista u NET Media.

Preżenti fost l-oħrajn il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, il-Prim Ministru, Robert Abela, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u martu Annemarie, il-Viċi Kap tal-PN, Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino, l-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, qraba, ħbieb u kollegi, fost persuni minn kull sfera tas-soċjetà, fosthom Korpi Kostitwiti.