Futbol Sport

Rebħa meritata għal Birkirkara kontra Hibernians

Andrè Muscat

HIBERNIANS………….. 0

BIRKIRKARA………. 2

Hibernians: H. Sacco, K. De Lima (N. Carvalho 80’), K. Shaw, R. Fraga, J. Degabriele, B. Kristensen, D. Xuereb, F. Falcone (A. Attard 80’), B. De Souza (I. Chukunyere 80’), H. Nunes, G. Alves

Birkirkara: G. Volpe, I. Morello, A. Sandona, L. Gaitan, P. Mbong (J. Siafa 45’), K. Zammit (S. Dimech 54’), A. Satariano, L. Lacunza (N. Cross 85’), N. Micallef, A. Coppola, M. Maia (G. Gnamien 85’)

Imwissija: B. Kristensen 9’ (H), H. Sacco 82’ (H), A. Coppola 82’ (B)

Skorjaw: L. Gaitan 68’ (B), J. Siafa 82’ (B)

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u Vasil Vasilev

360 Sports Plejer tal-Logħba:

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Alessandro Coppola (Birkirkara)

Fl-Istadium Nazzjonali ġewwa Ta’ Qali, bl-aktar mod meritat Birkirkara jirbħu tielet logħba tagħhom ta’ dan il-kampjonat kontra t-tim ta’ Raħal Ġdid.

Birkirkara jibdew fuq l-offensiva u jkunu perikolużi fil-5 minuta mill-ftuħ ta’ din il-partita, mix-xellug kien Neil Micallef li tefa’ cross fil-baxx għan-nofs bid-difensur ta’ Hibs Fernandes jonqos milli jtajjar il-ballun, sabiex l-istess ballun spiċċa f’saqajn Satariano bl-attakant Karkariż jara lil Sacco jsalva l-ballun minn tulu.

Fil-11-il minuta Birkirkara jkunu għal darboħra perikolużi, din id-darba corner mix-xellug dirett lejn il-lasta ta’ Hugo Sacco tat-Taljan tagħhom Gaitan, jsib lil Degabriele li jtajjar il-ballun minn fuq il-linja.

Din id-darba xutt mill-isbaħ tal-Internazzjonali Malti Paul Mbong, wara li fit-18-il minuta fajjar xutt lejn il-lasti ta’ Hibernians bil-ballun jagħdi ftit barra biex l-iskor baqa’ ma nfettaħx.

Tasal l-ewwel azzjoni perikoluża għat-tim ta’ Raħal Ġdid fil-35 minuta, cross mix-xellug ta’ Jurgen Degabriele fuq it-tieni lasta, fejn jidħol Federico Falcone li ra x-xutt tiegħu salvat u mdawar f’corner mid-diffensur ta’ Birkirkara Coppola.

Fil-miżjud kienu Birkirara li jerġaw ikunu perikolużi wara ħarba bil-ballun mid-difiża ta’ Coppola, bid-difensur Karkariż jagħdi l-ballun lejn Siafa li kien għadu dieħel flokk Paul Mbong, bl-Ispanjol jqassam lejn Satariano b’dan tal-aħħar ifajjar xutt minn barra l-kaxxa biex Hugo Sacco jintelaq minn tulu biex salva u dawwar il-ballun f’corner.

Birkirkara jkunu l-aħjar tim tul l-ewwel 45 minuta, iżda jonqsu milli jiftħu l-iskor biex mat-tisfira tat-tmiem l-ewwel taqsima mir-referee Petrovic, iż-żewġ timijiet rispettivi jidħlu jistrieħu f’parita ta’ 0-0.

Birkirkara jiftħu l-iskor fl-ewwel azzjoni perikoluża tat-tieni taqsima, kien Satariano li fit-68 minuta avanza lejn il-kaxxa ta’ Hibernians, biex mix-xellug tefa’ cross lejn in-nofs, bid-difiża ta’ Hibernians itajjar il-periklu bil-ballun jaqa’ fuq ras Gaitan f’tarf il-kaxxa l-kbira, bit-Taljan tal-Istripes ma jiżbaljax u fetaħ l-iskor f’din il-partita u tefa’ lill-partitarji preżenti f’delirju ta’ ferħ.

L-istripes jirduppjaw fit-82 minuta meta żball tad-difiża ta’ Hibernians il-ballun jispiċċa f’saqqajn Siafa, b’dan tal-aħħar minn madwar 25 metru boqgħod ifajjar xutt mill-isbaħ sabiex jitfa’ l-ballun wara Hugo Sacco u jagħmel l-iscore 2-0 għall-Karkariżi.

Birkirkara baqaw jiddefendu l-vantaġġ doppju sa tisfira finali tar-referee Petrovic, biex b’hekk tasal it-tielet rebħa għall-Kalkariżi u jitilaw b’mod momentarju fl-ewwel post tal-klassifika b’10 punti. Filwaqt b’din it-telfa tasal l-ewwel tefa tal-kampjonat għat-tim ta’ Raħal Ġdid u jibqaw bis-7 punti li bdew bihom qabel din il-partita.