Futbol Sport

Telfa mhux mistennija għal Liverpool, Man Utd lura għar-rebħ

(Ritratt: EPA)

Liverpool sofrew telfa ta’ 1-0 kontra Nottingham Forest f’Anfield. Din kienet l-ewwel telfa għal Liverpool dan l-istaġun u l-ewwel telfa taħt it-tmexxija ta’ Arne Slot. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal fit-72 minuta permezz ta’ Callum Hudson-Odoi.

Manchester United irritornaw għar-rebħ meta barra minn darhom għelbu lil Southampton 3-0. Southampton kellhom ċans li jiftħu l-iskor fit-33 minuta iżda l-penalty ta’ Cameron Archer kien salvat minn Andre Onana. Tlieta minuti wara, Manchester United fetħu l-iskor permezz ta’ Mathijs de Ligt. Marcus Rashford irdoppja qabel il-mistrieħ. Is-Saints sfaw jilagħbu bi plejer anqas fid-79 minuta meta tkeċċa Jack Stephens. Lejn it-tmiem ir-Red Devils komplew ikabbru l-iskor permezz ta’ Alejandro Garnacho.

Manchester City kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Brentford 2-1. Kienu Brentford li fetħu l-iskor wara biss minuta permezz ta’ Yoane Wissa. Doppjetta ta’ Erling Haaland dawru l-iskor favur ta’ Manchester City b’gowls fid-19 u fit-32 minuta.

Aston Villa kisbu rebħa ta’ 3-2 fuq Everton. Dwight McNeil poġġa lil Everton fil-vantaġġ b’Dominic Calvert-Lewin jagħmilhom 2-0. Ir-rimonta ta’ Aston Villa bdiet fis-36 minuta permezz ta’ Ollie Watkins bl-istess plejer jagħmilhom 2-2 fit-58 minuta. Jhon Duran dawwar l-iskor favur Astona Villa fis-76 minuta.