Lokali

Żagħżugħ minn Ħaż-Żabbar jitlef ħajtu wara li tilef il-kontroll tal-karozza u daħal f’parapett

Żagħżugħ ta’ 21 sena minn Ħaż-Żabbar tilef ħajtu wara li tilef il-kontroll tal-karozza li kien qiegħed isuq u baqa’ dieħel f’parapett ta’ residenza fi Triq il-President Anton Buttigieg, iż-Żejtun.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-7:45 am meta iż-żagħżugħ kien qed isuq Peugeot 206.

Fil-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika. Sfortunatament, huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara. Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fil-post sabiex jassistu.

Bil-każ ġie infurmat l-Maġistrat Anthony Agius Bonniċi li ħatar inkjesta, filwaqt l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.