L-eks Sindku tal-Imsida, u Avukat li fi snin preċedenti kien wieħed mill-aktar fdati mill-eks Prim Minsitru Joseph Muscat, Alex Sciberras – issa huwa l-President il-ġdid tal-Partit Laburista.
Kontra kull aspettativa wara li kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll id-Deputati Mexxejja ġodda Alex Agius Saliba u Ian Borg taw palata lil Norma Saliba….Sciberras ġie elett bħala s-suċċessur ta’ Ramona Attard.
B’365 vot kontra t-350 ta’ Saliba, ċioè differenza ta’ 14-il vot biss – Alex Sciberras ġie elett f’din il-kariga – b’żewġ astensjonijiet u 5 voti invalidi – numri u ċifri li b’mod mill-aktar ċar juru li f’waħda mill-ftit elezzjonijiet interni tal-Labour li kandidat ma tellaqx waħdu ….il-Partit Laburista wera kemm huwa totalment maqsum.
Fi snin passati Alex Sciberras kien allegatament wieħed mill-konsulenti legali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ Joseph Muscat – fost oħrajn fiż-żmien meta kien hemm ukoll l-issa Mexxej tal-Labour u Prim Ministru Robert Abela.
Wara perjodu ta’ żmien, kien ġie rapportat li Sciberras kien qatta’ l-karti ma’ Muscat u minflok intefa’ mat-tim tal-issa backbencher Laburista Chris Fearne waqt li dan kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru għas-Saħħa.
Dan ifisser li Alex Sciberras allegatament kien wieħed mill-konsulenti legali tal-Ministeru tas-Saħħa f’laqgħat li kien ikun hemm ma’ Steward Healthcare – tant li iswed fuq l-abjad huwa jinsab imnizzel f’waħda mil-laqgħat li kienu saru lura fl-2019 bejn Steward u l-Gvern.
Sorsi qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista spjegaw li filwaqt li kollox qiegħed jindika li Sciberras m’għadux viċin il-klikka ta’ Muscat, huwa qrib ħafna ta’ klikka oħra li inevitabbilment spiċċat mnaffra fl-aħħar ġimgħat – dik ta’ Chris Fearne, li issa spiċċa għal kollox imwarrab.
Intant, wara l-eżitu ta’ din l-elezzjoni għad irridu naraw x’se jkun il-pass li jmiss minn naħa ta’ Norma Saliba li kkontestat għal kariga fi tmexxija partiġjana waqt li qed tokkuppa kariga ta’ uffiċjal pubbliku b’paga ta’ €72,000.
//= $special ?>