Lokali

“Għandna d-dmir li nkomplu fejn ħalla Karl” – Bernard Grech

Il-Kap tal-PN Bernard Grech iħabbar li l-PN se jkompli bil-festi tal-Indipendenza skont ix-xewqa tal-familja Gouder

“Għandna d-dmir li nkomplu fejn ħalla Karl Gouder”

Kliem il-Kap tal-PN Bernard Grech f’intervista li saret il-Ħadd filgħodu fuq Net Television fejn insista illi l-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu lejn Karl illi jkompli fejn ħalla hu.

Kien għalhekk illi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega illi l-festi tal-Indipendenza se jkunu qed isiru fuq talba tal-familja Gouder u għaliex Karl Gouder hekk kien ikun irid illi ningħaqdu bħala familja fiċ-ċelebrazzjonijiet quddiem din it-telfa.

Bernard Grech iddeskriva lil Karl bħala bniedem li dejjem ħadem bis-sħiħ għall-Malta u għall-Partit Nazzjonalista fejn ħadem bla limitu sabiex il-PN jikseb riżultat tajjeb fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali li saru f’Ġunju illi għadda.

Kien għalhekk illi tenna li issa fuq spallejna r-responsabbiltà u d-dmir lejh li nkomplu x-xogħol tiegħu.

Intant, Bernard Grech semma’ l-ħafna kwalitajiet sbieħ illi kellu Karl, kwalitajiet li jmorru l-bogħod ukoll mix-xogħol tiegħu fosthom il-kapaċità tiegħu li jisma’ u jsolvi l-problemi filwaqt li jifhem lil kull min miss miegħu.

Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jfakkar illi Karl Gouder kien iħaddan politika li dejjem tpoġġi lil bniedem fiċ-ċentru tagħha, li tagħti servizz lil pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi kollu, kif ukoll lill-ħaddiema ta’ NetMedia u l-Partit Nazzjonalista kollu.

Fl-intervista li saret fl-istudios ta’ Net Television, Bernard Grech fakkar illi anke f’mewtu Karl irnexxielu jgħaqqad pajjiż kollu warajh, fejn irringrazzja lil dawk kollha illi wrew is-sapport tagħhom f’dan il-mument diffiċli fosthom lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, rappreżentanti tal-Korpi Kostitwiti u lil ħafna oħrajn li attendew il-funeral jew li bgħatu messaġġ ta’ kondoljanzi,

Bernard Grech ħabbar illi se jkunu qed joħorġu d-dettalji dwar il-festi tal-Indipendenza fil-ġranet li ġejjin.